ll-Blat Imkenni ta' Bhimbetka huwa sit arkeoloġiku fl-Indja li jkopri l-perjodu Paleolitiku u l-perjodu Mesolitiku, kif ukoll il-perjodu storiku. Fih instabu l-iżjed traċċi bikrin tal-ħajja umana fl-Indja u evidenza ta' Żmien il-Ħaġar li beda fis-sit fil-perjodu Aċewljan. Is-sit jinsab fid-Distrett ta' Raisen fl-istat Indjan ta' Madhya Pradesh, madwar 45 kilometru (28 mil) fix-Xlokk ta' Bhopal. Huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li jikkonsisti minn seba' għoljiet u iktar minn 750 blata mkennija mifruxa fuq 10 kilometri (6.2 mili). Mill-inqas ftit mill-blat imkenni kien abitat iżjed minn 100,000 sena ilu. Il-blat imkenni u l-għerien jixħtu "dawl rari" fuq insedjament uman u l-evoluzzjoni kulturali taż-żmien meta l-bniedem kien għadu jikkaċċja għall-ikel, għaż-żmien meta beda jmedd idejh għall-agrikoltura, u għaż-żmien meta beda jwettaq espressjonijiet ta' spiritwalità preistorika.
Ftit mill-blat imkenni ta' Bhimbetka fihom tpittir preistoriku u l-iżjed bikrin għandhom madwar 10,000 sena (għall-ħabta tat-8,000 Q.K.), li jikkorrispondi għall-perjodu Mesolitiku Indjan. Dan it-tpittir fl-għerien juri temi bħal annimali, evidenza bikrija taż-żfin u tal-kaċċa minn Żmien il-Ħaġar kif ukoll ta' ġellieda fuq iż-żwiemel minn perjodu iktar 'il quddiem (x'aktarx Żmien il-Bronż). Is-sit ta' Bhimbetka fih l-iżjed arti antika fuq il-blat fl-Indja u huwa wieħed mill-ikbar kumplessi preistoriċi fil-pajjiż.
Il-Blat Imkenni ta' Bhimbetka fih ukoll fossili mill-perjodu Prekambrjan, mijiet ta' miljuni ta' snin qabel ma tfaċċa l-bniedem, inkluż tal-annimal enigmatiku Dickinsonia.
Il-Blat Imkenni ta' Bhimbetka jinsab 45 kilometru fix-Xlokk ta' Bhopal u disa' kilometri mill-belt ta' Obedullaganj fid-Distrett ta' Raisen tal-istat ta' Madhya Pradesh fit-tarf tan-Nofsinhar tal-Katina Muntanjuża ta' Vindhya. Fin-Nofsinhar ta' dan il-blat imkenni hemm sensiela suċċessiva ta' għoljiet ta' Satpura. Jinsab fi ħdan is-Santwarju tal-Organiżmi Selvaġġi ta' Ratapani, fuq blat tal-ġebel ramli, fl-għoljiet ta' qabel il-Katina Muntanjuża ta' Vindhya. Is-sit jikkonsisti minn seba' għoljiet: Vinayaka, Bhonrawali, Bhimbetka, Lakha Juar (Lvant u Punent), Jhondra u Muni Babaki Pahari.
Bhimbetka, li tfisser "il-post tal-mistrieħ ta' Bhima", hija kelma komposta magħmula minn Bhima (it-tieni wieħed mill-aħwa fost il-ħames Pandava ta' Mahabharata) u Baithaka (post tal-mistrieħ). Skont it-twemmin tal-post, matul l-eżilju tiegħu Bhima kien jieqaf jistrieħ hawnhekk biex jinteraġixxi man-nies tal-post.
W. Kincaid, uffiċjal ta' żmien l-Indja Brittanika, semma l-Blat Imkenni ta' Bhimbetka għall-ewwel darba f'dokument ta' studju fl-1888. Huwa serraħ fuq l-informazzjoni li ġabar mill-adivasis (nies tribali) lokali qrib il-lag ta' Bhojpur fil-qrib u rrefera għas-sit ta' Bhimbetka bħala sit Buddista. L-ewwel arkeologu li żar uħud mill-għerien tas-sit u li skopra l-importanza preistorika tagħhom kien V. S. Wakankar, li ra dawn il-formazzjonijiet tal-blat u ħaseb li kienu simili għal dawk li kien ra fi Spanja u fi Franza. Huwa żar iż-żona flimkien ma' tim ta' arkeologi u fl-1957 irrapporta li kien hemm bosta blat imkenni preistoriku.
Kien biss fis-snin 70 tas-seklu 20 li l-iskala u l-importanza reali tal-Blat Imkenni ta' Bhimbetka ġie skopert u rrapportat. Minn dak iż-żmien 'l hawn, iżjed minn 750 għar jew blat imkenni ġew identifikati. Il-grupp ta' Bhimbetka fih 243 minnhom, filwaqt li l-grupp ta' Lakha Juar fil-qrib fih 178 oħra. Skont l-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja, l-evidenza tissuġġerixxi li kien hemm insedjament uman kontinwu hawnhekk minn Żmien il-Ħaġar, sal-aħħar tal-perjodu Aċewljan, sal-aħħar tal-Mesolitiku u sas-seklu 2 Q.K. f'dawn l-għerien. Dan huwa bbażat fuq l-iskavi li saru fis-sit, l-artefatti u l-oġġetti li ġew skoperti, il-kuluri fid-depożiti, kif ukoll it-tpittir fuq il-blat.
Is-sit jinkludi l-eqdem ħitan u artijiet tal-ġebel fid-dinja.
Barkheda ġie identifikat bħala s-sors minn fejn inġabet il-materja prima li ntużat f'uħud mill-monoliti skoperti f'Bhimbetka.
Is-sit jikkonsisti minn 1,892 ettaru li fl-1990 ġew iddikjarati bħala protetti skont il-liġijiet tal-Indja u li jiġu ġestiti mill-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja. Il-Blat Imkenni ta' Bhimbetka tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2003.
Il-fossili tad-Dickinsonia li nstabu f'Bhimbetka, l-ewwel skoperta ta' fossili tad-Dickinsonia ta' madwar 635-541 miljun sena ilu fl-Indja, huma simili għall-fossili tad-Dickinsonia tenuis mill-Membru ta' Ediacara tal-Għoljiet ta' Ediacara fin-Nofsinhar tal-Awstralja. Il-fossili nstabu fil-blat ramli tal-Grupp ta' Bhander tas-Supergrupp ta' Vindhyan imħallta ma' depożiti ramlin (proċessi Eolji, depożiti mit-tsunami (tsunamiti), u depożiti intermareali (depożiti tal-blat fiż-żona intermareali)). Is-sejbiet tar-riċerka jappoġġaw il-konklużjoni dwar il-formazzjoni ta' Gondwanaland għall-ħabta ta' 550 miljun sena ilu, iżda ma jappoġġawx il-moviment polari reali (il-moviment tal-poli manjetiċi tad-dinja b'rabta mal-assi rotazzjonali tad-dinja), peress li l-konklużjoni turi li l-Cloudina kienu jgħixu fi klimi tropikali sa sottotropikali, filwaqt li d-Dickinsonia kienu jgħixu fi klimi miti sa sottotropikali.
Mill-bosta blat imkenni
, l-Għar tal-Awditorju huwa wieħed mill-iżjed karatteristiċi sinifikanti ta' dan is-sit. Imdawwar b'torrijiet tal-kwarzit viżibbli minn distanza ta' diversi kilometri, l-Għar tal-Awditorju huwa l-ikbar fost il-blat imkenni ta' Bhimbetka. Robert G. Bednarik jiddeskrivi l-għar preistoriku tal-Awditorju bħala wieħed b'atmosfera "qisha ta' katidral", bi "spazji għoljin kbar u bi ħnejjiet Gotiċi". Il-pjanta tiegħu qisha pjanta ta' "salib f'angolu ta' 90 grad" b'erba' qishom friegħi allinjati mal-erba' direzzjonijiet kardinali. Id-daħla prinċipali tħares lejn il-Lvant. Fl-aħħar ta' dan il-passaġġ tal-Lvant, fid-daħla tal-għar, hemm ħaġra kbira b'panew kważi vertikali kollu tpittir li jispikka, u li huwa viżibbli mill-bogħod u mid-direzzjonijiet kollha. Fil-letteratura tal-arkeoloġija, din il-ħaġra kbira ngħatat l-isem ta' "Blata tal-Kap" jew "Blata tar-Re", għalkemm ma hemm l-ebda evidenza ta' xi ritwali jew ta' xi rwol li seta' kellha. Il-ħaġra kbira flimkien mal-Għar tal-Awditorju huma l-karatteristika ċentrali tas-sit ta' Bhimbetka, qalb 754 blat imkenni li ngħataw numru kull wieħed u li huma mifruxa fuq spazju ta' ftit kilometri minn xulxin, u kważi 500 post fejn hemm tpittir fuq il-blat.
Il-Blat Imkenni ta' Bhimbetka fih għadd kbir ta' tpittir. L-eqdem pitturi li nstabu għandhom 10,000 sena, iżda wħud mill-figuri ġeometriċi huma iktar reċenti, saħansitra sal-Medju Evu. Il-kuluri li ntużaw huma kuluri veġetali li żammew maż-żmien minħabba li t-tpittir ġeneralment sar fil-fond ġo xi niċċa jew fuq il-ħitan ta' ġewwa. It-tpinġijiet u l-pitturi jistgħu jiġu kklassifikati f'seba' perjodi differenti:
Perjodu I – (Paleolitiku Superjuri): dawn huma r-rappreżentazzjonijiet bl-aħdar ta' bnedmin jiżfnu u jikkaċċjaw.
Perjodu II – (Mesolitiku): meta mqabbla mal-kumplament, dawn huma iżgħar. Il-fiġuri stilizzati f'dan il-grupp għandhom dekorazzjonijiet lineari fuq ġisimhom. Minbarra xeni bl-annimali, hemm ukoll figuri umani u xeni tal-kaċċa, fejn jidher biċ-ċar x'armi kienu jużaw: lanez, stikek ippuntati, qwies u vleġeġ. Uħud mix-xeni ġew interpretati li juru gwerra tribali bejn tliet tribujiet simboleġġati mit-totems tal-annimali tagħhom. It-tpittir ta' żfin komunali, għasafar, strumenti mużikali, ommijiet bit-tfal, nisa tqal, irġiel iġorru l-annimali mejtin, nies jixorbu, u dfin jidhru qishom f'moviment ritmiku.
Perjodu III – (Kalkolitiku): b'mod simili għat-tpittir Mesolitiku, dan it-tpittir jiżvela li matul dan il-perjodu, l-abitanti tal-għerien ta' din iż-żona kienu f'kuntatt mal-komunitajiet agrikoli tal-pjanuri ta' Malwa, u kienu jiskambjaw l-oġġetti magħhom.
Perjodu IV & V – (Storiku Bikri): il-figuri ta' dan il-grupp għandhom stil skematiku u dekorattiv u huma mpittra l-iktar bl-aħmar, bl-abjad u bl-isfar. L-assoċjazzjoni hi ta' rikkieba, bħal simboli reliġjużi, lebsin qishom tuniċi, flimkien mal-eżistenza ta' kitbiet minn perjodi differenti. It-twemmin reliġjuż huwa rrappreżentat minn figuri ta' yakshas, allat tas-siġar u karrijiet maġiċi tas-smewwiet.
Perjodu VI & VII – (Medjevali): dan it-tpittir huwa ġeometriku lineari u iktar skematiku, iżda juru stil artistiku deġenerat u grezz. Il-kuluri li ntużaw mill-abitanti tal-għerien tħejjew bil-kombinament ta' ossidi tal-manganiż suwed, ematite aħmar u faħam.
Blata partikolari, magħrufa wkoll bħala l-"Blata taż-Żu", turi iljunfanti, barasingha (ċriev tal-imraġ), biżonti u ċriev. It-tpittir fuq blata oħra juri pagun, serp, ċerva u x-xemx. Fuq blata oħra, hemm it-tpittir ta' żewġ iljunfanti bin-nejbiet tal-avorju. Fost il-ġabra ta' dan it-tpittir preistoriku hemm ukoll xeni tal-kaċċa b'kaċċaturi bil-qwies, bil-vleġeġ, bix-xwabel u bit-tarki. F'wieħed mill-għerien, hemm biżont jiġri wara kaċċatur filwaqt li tnejn minn sħabu jidhru fil-qrib u ma jistgħu jagħmlu xejn biex jgħinuh; f'għar ieħor, jidhru xi rikkieba taż-żwiemel, flimkien mal-arċiera. F'pittura oħra famuża, hemm annimal bovin kbir (x'aktarx gaur jew biżont).
It-tpittir huwa kklassifikat l-iktar f'żewġ gruppi, wieħed ta' kaċċaturi u ta' nies li jinġabru biex isibu l-ikel, u l-ieħor ta' ġellieda, rekbin fuq iż-żwiemel u l-iljunfanti b'armi tal-metall f'idejhom. L-ewwel grupp ta' tpittir imur lura għall-preistorja filwaqt li t-tieni grupp ta' tpittir imur lura għal żminijiet storiċi. Il-biċċa l-kbira tat-tpittir mill-perjodu storiku juri battalji bejn mexxejja armati bix-xwabel, bil-lanez, bil-qwies u bil-vleġeġ.
F'wieħed mill-blat imkenni daqsxejn imwarrab, hemm it-tpittir ta' raġel b'ħatar qisu b'trident f'idejh u jiżfen li ġie mlaqqam "Nataraj" mill-arkeologu V. S. Wakankar. Huwa stmat li t-tpittir f'mill-inqas 100 blat imkenni x'aktarx li ġie rvinat minħabba l-erożjoni.
Il-Blat Imkenni ta' Bhimbetka ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2003.
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".
Siti Mesolitiċi oħra bl-arti, bl-għodod u bit-tpittir fl-għerien huma l-Għerien ta' Anangpur (Faridabad) u l-Għerien ta' Mangar Bani (Gurugram) f'Delhi NCR, u l-Għerien ta' Pahargarh (Morena) fl-istat ta' Madhya Pradesh.