Il-Fortizzi ta' Dacia fil-Muntanji Orăștie (bir-Rumen: Cetăți dacice din Munții Orăștiei) huma sitt fortizzi mibnija bl-istil murus dacicus fir-Rumanija. Dawn inbnew bejn is-seklu 1 Q.K. u s-seklu 1 W.K. għall-protezzjoni kontra l-ħakma tar-Rumani, u kellhom rwol importanti matul il-gwerer bejn Ruma u Dacia.
Il-fdalijiet estensivi u ppreservati sew tagħhom huma xhieda ta' ċivilizzazzjoni tal-qedem qawwija u innovattiva. Illum il-ġurnata, xi kultant xi fittiexa tat-teżori kultant ifittxu xortihom fl-inħawi, peress li r-Rumanija ma għandhiex leġiżlazzjoni f'dan id-dominju.
Is-sitt fortizzi ta' Sarmizegetusa Regia, Costeşti-Cetăţuie, Costeşti-Blidaru, Piatra Roşie, Bănița u Căpâlna, li ffurmaw is-sistema difensiva ta' Decebalus, tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999. Is-siti kollha jinsabu fil-Kontea ta' Hunedoara, għajr dak ta' Căpâlna, li jinsab fil-Kontea ta' Alba.
Ir-raħal ta' Sarmizegetusa Regia kien il-belt kapitali u l-fortizza ewlenija tar-renju ta' Dacia; x'aktarx inbena f'nofs is-seklu 1 Q.K. Kien jikkonsisti minn ħitan fil-perimetru u fortifikazzjonijiet, kwartier sagru, u żona ta' insedjament li primarjament kienet għan-nobbli u għall-qaddejja tagħhom. Kien jinsab fil-quċċata ta' għolja ta' 1,200 metru b'viżibbiltà eċċellenti tal-artijiet tal-madwar. Il-kwartier sagru kien jinsab fuq in-naħa tal-Lvant tar-raħal, bi pjazza prominenti u santwarji ċirkolari. Kien hemm żewġ żoni ta' insedjament, waħda fuq in-naħa tal-Lvant u oħra ikbar fuq in-naħa tal-Punent. Minbarra l-abitazzjonijiet kien hemm workshops, imħażen u żoni għall-ipproċessar agrikolu. Xi ħaġa notevoli għal dak iż-żmien hija s-sistema ta' distribuzzjoni għall-ilma tax-xorb permezz ta' katusi taċ-ċeramika.
Il-fortizza ta' Costești-Cetățuie nbniet fis-seklu 1 Q.K., matul ir-renju ta' during Burebista, bl-għan ta' difiża mir-Rumani. Is-sit jinsab fil-wied tax-xmara ta' Apa Grădiștei. Il-promontorju ta' fuq l-għolja fejn tinsab hija 514-il metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Kienet fortizza b'saħħitha bi rwol difensiv. Milli jidher, kellha insedjament ċivili fil-bażi u kienet ir-residenza regolari tar-rejiet ta' Dacia. Rwol importanti ieħor kien l-għassa tat-triq li twassal għal Sarmizegetusa Regia.
Il-fortizza ta' Costești-Blidaru nbniet fis-seklu 1 Q.K., matul ir-renju ta' during Burebista, bl-għan ta' difiża mir-Rumani.
Piatra Roșie, li tfisser "Blata Ħamra", kienet fortizza fuq għolja li kienet tinsab jumejn bogħod bil-mixi lejn il-Punent minn Costești-Cetățuie, f'Luncani, fil-muniċipalità ta' Boşorod. Inbniet f'żewġ fażijiet. Fl-ewwel fażi nbniet ċittadella rettangolari prinċipali, fil-quċċata ta' għolja twila 102 metri, b'torrijiet tal-għassa fuq kull naħa u żewġ torrijiet tal-għassa oħra fil-ġnub. Iktar 'il quddiem, iż-żona l-kbira fi ħdan it-torrijiet tal-għassa ġiet protetta bil-ħitan. Milli jidher il-quċċata tal-għolja ġiet iċċattjata sabiex l-ispazju seta' jintuża iktar.
Il-Fortizzi ta' Dacia fil-Muntanji Orăștie ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".