Igor' Fëdorovič Stravinskij bir-Russu: Игорь Фёдорович Стравинский, (17 ta' Ġunju 1882 – 6 ta' April 1971) kien kompożitur, mużiċista, pjanista u surmast tal-orkestra Russu. Huwa meqjus bħala wieħed mill-iktar kompożituri importanti u influwenti tas-seklu għoxrin.
Il-karriera kompożizzjonali ta' Stravinskij kienet magħrufa għad-diversitá stilistika tagħha. Kiseb fama internazzjonali permezz ta' tlett balletti kummissjonati mill-impreżarju Sergej Djagilev, mtellgħa f'Pariġi mill-Ballets Russes. Dawn kienu L-Għasfur tan-Nar (1910), Petruška (1911) u Il-Konsagrazzjoni tar-Rebbiegħa (1913). L-aħħar waħda minn dawn ittrasformat kif il-kompożituri, li kienu jaħdmu fuq stil kanoniku, kienu jħarsu lejn l-istruttura ritmika. Kienet responsabbli wkoll għar-reputazzjoni twila li tat lil Stravinskij bħala rivoluzjonarju li wessa' l-fruntieri tad-disinn mużikali. Fl-1920 wara l-"Perijodu Russu" kellu perijodu fejn irritorna għall-mużika neoklassika. Ix-xogħlijiet ta' dan iż-żmien kellhom it-tendenza li jerġgħu jużaw forom tradizzjonali (concerto grosso, fuga u sinfonija). Ħafna drabi kienu omaġġ lill-mużika tal-kompożituri kbar ta qablu bħal Johann Sebastian Bach u Čajkovskij. Fil-ħamsinijiet, Stravinskij beda jirritorna ghall-prinċipji li kien uża fil-kompożizzjonijiet tal-bidu fosthom: l-enerġija ritmika, il-kostruzzjoni ta' idejat melodiċi mtawla minn ċelluli ta' żewġ jew tliet noti u l-importanza għall-kjarezza tal-forma, l-istrumentazzjoni u tal-enunċjazzjoni.
Stravinskij twieled fis-17 ta' Ġunju 1882 f'Oranienbaum (illum Lomonosov), subborg ta' San Pietruburgu, il-belt kapitali imperjali Russa u trabba Pietruburgu. Il-ġenituri tieghu kienu Fëdor Ignat'evič Stravinskij, kantant baxx fit-teatru Mariinskij f'San Pietruburgu, u Anna (imwielda Kholodovsky). Missieru kien ġej minn razza nobbli pollakka magħrufa bħala l-familja Strawiński bl-istemma eraldika ta' Sulima. Kien jiddeskrivi l-ħajja tal-iskola bħala waħda solitarja u iktar tard f'ħajtu stqarr li "qatt ma sibt lil xi hadd li kien miġbud lejja". Stravinskij jmur għall-lezzjonijiet tal-pjanu minn mindu kien żgħir u fl-istess ħin kien jistudja t-teorija u jipprova jikkomponi. Fl-1890, ra rappreżentazzjoni tal-ballett ta' Čaikovskij: 'Is-Sbejħa Rieqda' fit-teatru Mariinski. Ta' ħmistax-il sena, rnexxielu jitgħallem il-kunċert għal pjanu u orkestra nru 1 fis-Sol minuri ta' Felix Mendelssohn u għamel riduzzjoni għall-pjanu ta' kwartett għall-arki ta' Glazunov, li jgħidu li kien iqis lil Stravinskij bla talent mużikali u ma kellux opinjoni tajba tal-ħila tiegħu.
Minkejja l-entużjażmu tiegħu għall-mużika, il-ġenituri riduh jistudja l-liġi. Stravinsky inkiteb fl-Università ta'bSan Pietruburgu fl-1901, iżda matul dawn l-erba' snin ta’ studju, attenda inqas minn ħamsin lezzjoni. Fis-sajf tal-1902 Stravinsky għex għand il-kompożitur Nikolaj Rimskij-Korsakov u l-familja tiegħu fil-belt Ġermaniża ta' Heidelberg. Rimsky-Korsakov, forsi l-kompożitur Russu l-iktar mfittex ta' dak iż-żmien, suġġerixxa lil Stravinsky li ma jidħolx fil-konservatorju ta' San Pietruburgu, u minflok jibda jistudja l-kompożizzjoni billi jieħu l-lezzjonijiet privati miegħu. Missier Stravinsky miet dik is-sena stess b’kanċer, fiż-żmien meta ibnu kien diġà beda jiddedika aktar ħin fuq l-istudju mużikali milli fuq il-liġi. Fl-1905 l-università għalqet xagħrejn minħabba l-konsegwenzi tal-"Ħadd imdemmi". Stravinsky ma tħalliex jagħmel l-aħħar eżamijiet tal-liġi iżda aktar tard ingħata diploma ta' nofs kors f'April tal-1906 . B'hekk beda jikkonċentra iżjed fuq l-istudju tal-mużika u fl-1905, beda jattendi darbtejn fil-ġimgħa lezzjonijiet privati ta’ Rimskij-Korsakov, li sar iqisu bħala t-tieni missier. Dawn il-lezzjonijiet komplew sal-mewt ta’ Rimskij-Korsakov fl-1908.
Fl-1905 tgħarras lil kuġintu, Yekaterina Gavrilovna Nosenko (imsejħa "Katya"), li kien ilu jaf minn tfulitu. Minkejja l-oppożizzjoni tal-Knisja Ortodossa għaż-żwieġ bejn kuġini, il-koppja żżewġet fit-23 ta’ Jannar 1906: l-ewwel żewġ ulied, Fyodor (Theodore) u Ludmila, twieldu fl-1907 u 1908 rispettivament.
Fi Frar tal-1909, żewġ xogħlijiet orkestrali: lis-‘Scherzo Fantastique’ u il-‘Feu d'artifice’ (Logħob Tan-Nar), ittellgħu f’kunċert f’San Pietruburgu fejn kien hemm ukoll l-impreżarju Sergei Djagilev, li dak iż-żmien kien involut fl-ippjanar tar-rappreżentazzjoni tal-opera u l-ballett Russi f'Pariġi. Djagilev baqa' tant impressjonat li ddeċieda li jikkummissjona 'l Stravinsky sabiex iwettaq xi orkestrazzjonijiet u mbaghad biex jikkomponi ballett sħiħ "L-Għasfur tan-Nar".