It-Tempju ta' Asklepju ta' Epidaurus, magħruf ukoll bħala s-Santwarju ta' Asklepju ta' Epidaurus, kien santwarju f'Epidaurus iddedikat lil Asklepju. Kien is-sit imqaddes prinċipali ta' Asklepju. Is-santwarju f'Epidaurus kien ir-rivali ta' siti maġġuri oħra tal-qima bħas-Santwarju ta' Żeus f'Olimpja u ta' Apollo f'Delphi. It-tempju nbena fil-bidu tas-seklu 4 Q.K. Jekk kien għadu jintuża sas-seklu 4 W.K., it-tempju ċertament ingħalaq waqt il-persegwitazzjoni tal-pagani fl-aħħar tal-Imperu Ruman, meta l-Imperaturi Kristjani ħarġu editti li kienu jipprojbixxu l-qima mhux Kristjana.
Is-Santwarju ta' Asklepju ta' Epidaurus ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.
Mit u storja
Pausanias iddeskriva l-mit madwar l-istabbiliment tat-tempju, kif ukoll l-importanza reliġjuża tal-qima ta' Asklepju fis-seklu 2:
Qabel ma tasal f'Epidauros stess , tgħaddi biswit is-santwarju ta' Asklepju ... Dik l-art hija speċjalment imqaddsa għal Asklepju għar-raġuni li ġejja. Iċ-ċittadini ta' Epidaurus isostnu li Phlegyas ġie fil-Peloponnesos . . . akkumpanjat minn bintu , li tul il-mawra kollha ma għarrfitx lil missierha li kellha wild minn Apollon. F'Epidaurus weldet iben , u dakinhar esponietu fuq il-muntanja msejħa Titthion (Beżżula), li mbagħad ġiet imsejħa Myrtion... Hemm evidenza ulterjuri li l-alla kien twieled f'Epidaurus; għaliex jien insostni li l-iżjed santwarji famużi ta' Asklepju oriġinaw f'Epidaurus. L-ewwel nett, iċ-ċittadini ta' Ateni, li jsostnu li taw sehem tar-riti mistiċi tagħhom lil Asklepju, isejħu dan il-jum tal-festival Epidauria, u jallegaw li l-qima tagħhom ta' Asklepju tmur lura għal dak iż-żmien. Mill-ġdid, meta Arkhias, iben Aristaikhmos, ġie mfejjaq f'Epidauria wara li weġġa' hu u jikkaċċja madwar Pindasos, u miegħu ħa din il-qima lejn Pergamon . Hemmhekk inbena wkoll santwarju ieħor ta' Asklepju mal-baħar ta' Smyrna. Barra minn hekk, f'Balagrai tal-Kirenej hemm Asklepju msejjaħ Iatros (Fejjieq), li bħall-oħrajn ġie minn Epidaurus. Minnu ġie stabbilit is-santwarju ta' Asklepju f'Lebene, fi Kreta. Hemm din id-differenza bejn il-Kirenej u ċ-ċittadini ta' Epidaurus, li filwaqt li l-Kirenej jissagrifikaw il-mogħoż, f'Epidaurus dan imur kontra d-drawwiet taċ-ċittadini lokali. Mill-bidu nett, Asklepju tqies bħala alla u ngħata dak it-titlu maż-żmien. Dan nisiltu minn diversi sinjali, inkluż l-evidenza ta' Omeru, li permezz tiegħu Agamemnon jgħid dwar Makhaon: "Talthybios, bil-ħeffa kollha sejjaħli lejn Makhaon, iben mortali ta' Asklepju". U dan għandu jgħid, "iben uman ta' alla".
Struttura
It-tempju kien Doriku, sitt kolonni bi ħdax-il kolonna, b'tul ta' madwar 80 pied. Ħdejn it-tempju ġiet skavata kitba mnaqqxa (Inscriptiones Graecae IV, it-tieni edizzjoni, nru. 102) li tagħti rendikont pubbliku ta' meta nbena t-tempju. Il-kitba mnaqqxa ssemmi lil Teodotu bħala l-arkitett. Il-proġett ħa kważi ħames snin biex tlesta. It-tempju kellu skultura pedimentali, fuq quddiem u fuq wara, u acroteria bil-figuri. Dawn, li kienu l-frott tal-aqwa skulturi ta' dak iż-żmien, issa jokkupaw kamra prominenti fil-Mużew Arkeoloġiku Nazzjonali f'Ateni.
L-istatwa meqjuma tad-deheb u tal-avorju tal-alla ġiet deskritta minn Pausanias, li ddeskriva wkoll is-santwarju fis-seklu 2:
L-ort sagru ta' Asklepju huwa mdawwar b'marki ta' konfini. Fi ħdan dawn il-konfini ma jseħħ l-ebda twelid jew mewt; l-istess drawwa hija prevalenti wkoll fil-gżira ta' Delos. L-offerti kollha, kemm jekk l-offerent ikun ċittadin ta' Epidaurus jew barrani, jiġu kkonsmati kollha fi ħdan dawn il-konfini. F'Titane wkoll naf li hemm din l-istess regola. Ix-xbieha ta' Asklepju, bħala daqs, fiha daqs nofs dik ta' Żeus ta' Olimpja f'Ateni, u hija magħmula mill-avorju u mid-deheb. Kitba mnaqqxa tgħidilna li l-artist kien Thrasymedes, Parjan, iben Arignotos. L-alla qiegħed bilqiegħda b'ħatar f'idu; b'idu l-oħra qed iżomm 'il fuq ras ta' serp; hemm ukoll figura ta' kelb mixħut maġenbu. Fejn qiegħed bilqiegħda Asklepju hemm riljiev tal-ferrobattut dwar il-kisbiet tal-eroj ta' Argive..." "Meta staqsejt f'Epidaurus għalfejn ma jferrgħux l-ilma u lanqas iż-żejt taż-żebbuġa fuq ix-xbieha ta' Asklepju , dawk li kienu jieħdu ħsieb is-santwarju infurmawni li kemm ix-xbieha tal-alla kif ukoll it-tron kienu nbnew fuq ġibjun.
Mis-santwarju ġew ippreservati biss il-pedamenti. Xi frammenti mill-istruttura ta' fuq, li ġew irkuprati fl-iskavi, jinsabu fil-Mużew Arkeoloġiku fis-sit, u minflok inbniet rikostruzzjoni parzjali tal-frammenti li nstabu.
Madankollu, it-Tempju ta' Asklepju ma kienx l-unika binja f'Epidaurus. Pausanias iddokumenta diversi binjiet iżgħar oħra fiż-żona sagra u l-ort tal-kumpless tat-tempju, fosthom teatru, Tempju ta' Artemis, xbieha ta' Epione, Santwarju ta' Afrodite u Themis, "korsa tat-tiġrijiet... u funtana li ta' min jaraha għas-saqaf tagħha u għall-ġmiel inġenerali".
Fi żmien iż-żjara ta' Pausanias fis-seklu 2, żdiedu wkoll diversi donazzjonijiet minn senatur Ruman Antoninos, fosthom: "banju ta' Asklepju u santwarju tal-allat imsejħa tal-ġenerożità. Bena wkoll tempju ddedikat lil Hygeia, Asklepju, u Apollon, bl-aħħar tnejn imsejħa Aigyptios (Eġizzjani). Barra minn hekk, irrestawra l-portiku msejjaħ il-Portiku ta' Kotys, li minħabba li l-brikks li bihom inbena ma kinux maħruqin, iġġarraf wara li ċeda s-saqaf tiegħu. Peress li ċ-ċittadini ta' Epidaurus qrib is-santwarju kienu mħassbin ferm, billi n-nisa u l-morda ma kellhomx fejn jistkennu u kellhom joqogħdu fil-beraħ, huwa pprovda binja, sabiex jindirizza dak it-tħassib. Hemmhekk, fl-aħħar, kien post fejn mingħajr dnub bniedem seta' jmut u mara setgħet twelled...".
Qima
It-tempju kellu importanza reliġjuża kbira fil-qima ta' Asklepju. Kien sit ta' pellegrinaġġ sagru mid-dinja antika kollha, u influwenza l-qima ta' Asklepju f'bosta santwarji oħra ddedikati lilu. Pausanias iddeskriva kif is-sriep kienu meqjusa sagri għall-alla tas-sit: "Is-sriep, inkluż tipi strambi ta' lewn fl-isfar, jitqiesu sagri għal Asklepju, u huma mansi mal-irġiel".
Pausanias iddeskriva l-qima u l-importanza tas-sit bħala post ta' pellegrinaġġ fis-seklu 2:
Faċċata tat-tempju hemm il-post fejn il-qaddejja tal-alla jorqdu. Fil-qrib inbniet binja ċirkolari bl-irħam abjad, imsejħa Tholos (Dar Tonda) . . . Fi ħdan il-konfini tas-sit kien hemm ħaġriet; fi żmieni kien fadal sitta, iżda fl-imgħoddi kien hemm iktar. Fuqhom tnaqqxu l-ismijiet tal-irġiel u tan-nisa li ġew imfejqa minn Asklepju, il-marda li kellhom, u l-mezz ta' fejqan. Id-djalett huwa Doriku. Imbiegħda mill-oħrajn hemm ħaġra antika, li tiddikjara li Hippolytos iddedika għoxrin żiemel lill-alla. L-Arikjani jirrakkontaw ġrajja li taqbel mal-kitbiet imnaqqxa fuq din il-ħaġra, li meta Hippolytos inqatel, minħabba s-seħta ta' Theseus, Asklepju qajmu mill-mewt. Malli rxoxta mill-ġdid irrifjuta li jaħfer lil missieru; irrifjuta t-talb tiegħu, u mar lejn l-Arikjani fl-Italja...
Kien hemm bosta leġġendi, ġrajjiet u mirakli li ntqal li seħħew fit-tempju matul is-sekli ta' pellegrinaġġ lejn is-sit. Ċiċerun alluda għan-natura tal-ħniena ta' Asklepju meta rrakkonta kif Dijoniżju ta' Siracusa allegatament wettaq sagrileġġ fis-santwarju mingħajr ma ngħata kastig divin: "Huwa ordna t-tneħħija tad-daqna tad-deheb ta' Asklepju f'Epidaurus, għaliex sostna li ma kienx sew li l-iben ikollu d-daqna meta missieru fit-tempji kollha kien jidher bla daqna... U Asklepju ma kkastigahx billi xeħtu f'xi post imbiegħed biex imut bil-ġuħ jew b'xi marda kiefra u dejjiema".
Fis-seklu 3, Aelian jiddeskrivi miraklu leġġendarju li skontu seħħ fis-santwarju:
Mara kienet qed tbati minn dudu intestinali, u l-iżjed tobba bravi ma kinux jafu kif se jfejquha. Għalhekk, marret lejn Epidaurus u talbet lill-alla biex jeħlisha mill-uġigħ ikkawżat minn ġo fiha. L-alla ma kienx dispost għall-ewwel. Madankollu, il-qaddejja tat-tempju qalulha timtedd fil-post fejn l-alla normalment kien ifejjaq lill-fidili tiegħu. Il-mara mteddet fis-skiet biex tinħeles mill-uġigħ; u l-ministri ta' Asklepju daru magħha biex ifejquha: qatgħulha rasha minn għonqha, u wieħed minnhom daħħal idu u neħħa d-dudu, li kien ħlejqa monstruża. Iżda meta ġew biex ipoġġulha rasha fejn kienet, ma rnexxielhomx. Asklepju wasal fit-tempju u wera l-għadab tiegħu mal-ministri talli ppruvaw iwettqu kompitu li kien ferm iktar mill-ħila tagħhom, u bis-setgħa irreżistibbli ta' alla reġa' poġġa rasha kif kienet f'ġisimha u qajjimha mill-ġdid. Min-naħa tiegħi, O Re Asklepju, l-iżjed ħanin mal-bniedem mill-allat, ma ngħidx li m'għandekx ħila ssib fejqan mid-dud intestinali (allaħares nasal insostni xi ħaġa tant bla sens!), iżda bejni u bejn ruħi ftakart fl-azzjoni benefika tiegħek u fis-setgħat tal-għaġeb ta' fejqan tiegħek. U m'hemmx għalfejn wieħed jiddubita li din il-ħaxixa aromatika hija don mingħandek ukoll.
It-tempju ma setax kien qed jiffunzjona iktar tard mis-seklu 4 jew 5, meta s-santwarji pagani kollha ngħalqu waqt il-persegwitazzjoni tal-pagani fl-aħħar tal-Imperu Ruman.
Sit ta' Wirt Dinji
Is-Santwarju ta' Asklepju ta' Epidaurus ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".
Biblijografija
Helmut Berve, Gottfried Gruben and Max Hirmer. Greek Temples, Theatres, and Shrines. New York 1963.
Alison Burford, Greek Temple Builders at Epidauros: A Social and Economic Study of Building in the Asklepian Sanctuary During the Fourth and Early Third Centuries B.C. Liverpool 1969.
William Bell Dinsmoor. The Architecture of Ancient Greece. 3rd ed. rev. London 1950.
Arnold W. Lawrence. Greek Architecture. 4th ed. rev. with additions by R.A. Tomlinson. (Pelican History of Art) New Haven 1996.
Bronwen L. Wickkiser. Asklepios, Medicine, and the Politics of Healing in Fifth-Century Greece: Between Craft and Cult. Baltimore 2008.