Alessandro Volta | |||
---|---|---|---|
1809 - 1814 | |||
Ħajja | |||
Twelid | Como, 18 Frar 1745 | ||
Nazzjonalità |
Dukat ta' Milan Repubblika Ċisalpina Renju tal-Italja Renju ta' Lombardia-Venezja | ||
Mewt | Como, 5 Marzu 1827 | ||
Post tad-dfin | qabar ta' Alessandro Volta | ||
Familja | |||
Konjuga/i | Teresa Peregrini | ||
Ulied |
uri
| ||
Edukazzjoni | |||
Lingwi |
Taljan Latin Colombiano (en) | ||
Okkupazzjoni | |||
Okkupazzjoni |
fiżiku inventur akkademiku kimiku | ||
Post tax-xogħol | Terranova | ||
Impjegaturi | Università ta' Pavia | ||
Premjijiet | |||
Sħubija |
Accademia Nazionale delle Scienze detta dei XL Akkademja Bavarjana tax-Xjenzi Akkademja Franċiża tax-Xjenzi Akkademja tax-Xjenzi ta’ Torino National Virgilian Academy (en) Koninklijke Nederlandse Akademie van Wetenschappen Académie des sciences, belles-lettres et arts de Rouen (en) |
Alessandro Giuseppe Antonio Anastasio Volta (; twieled fit-18 ta' Frar 1745 – miet fil-5 ta' Marzu 1827) kien fiżiku, kimiku u Kattoliku lajk Taljan li kien pijunier tal-elettriku u tal-potenza enerġetika li jitqies bħala l-inventur tal-batterija elettrika u dak li skopra l-metan. Huwa vvinta l-batterija voltajka fl-1799, u rrapporta r-riżultati tal-esperimenti tiegħu fl-1800 b'ittra f'żewġ partijiet lill-President tas-Soċjetà Rjali. Permezz ta' din l-invenzjoni, Volta wera bil-provi li l-elettriku seta' jiġi ġġenerat kimikament u mar kontra t-teorija prevalenti li l-elettriku seta' jiġi ġġenerat biss minn ħlejqiet ħajjin. L-invenzjoni ta' Volta ħolqot eċitament xjentifiku kbir u wasslet biex oħrajn iwettqu esperimenti simili, u dan eventwalment wassal għall-iżvilupp tal-qasam tal-elettrokimika.
Volta kiseb ukoll l-ammirazzjoni ta' Napuljun Bonaparte għall-invenzjoni tiegħu, u ġie mistieden fl-Istitut ta' Franza biex juri l-invenzjoni tiegħu lill-membri tal-istitut. Volta kien pjuttost qrib l-imperatur matul ħajtu kollha u tah bosta unuri. Volta kien professur tal-fiżika sperimentali fl-Università ta' Pavia għal kważi 40 sena u kien qisu idolu tal-istudenti tiegħu.
Minkejja s-suċċess professjonali tiegħu, Volta kien persuna iktar inklinata lejn il-ħajja domestika u dan ħareġ fid-dieher lejn l-aħħar snin ta' ħajtu. F'dak iż-żmien kien iħobb jgħix 'il bogħod mill-ħajja pubblika u iktar qrib il-familja tiegħu sa meta eventwalment miet fl-1827 wara sensiela ta' mardiet li bdew fl-1823. Il-volt, l-unità SI tal-potenzjal elettriku, issemmiet għalih.
Volta twieled f'Como, raħal fit-Tramuntana tal-Italja, fit-18 ta' Frar 1745. Fl-1794, Volta żżewweġ mara aristokratika minn Como wkoll, Teresa Peregrini, u magħha rabba tliet subien: Zanino, Flaminio, u Luigi. Missieru, Filippo Volta, kien imnissel minn familja nobbli. Ommu, Donna Maddalena, kienet mill-familja Inzaghi.
Fl-1774, huwa sar professur tal-fiżika fl-Iskola Rjali f'Como. Sena wara, huwa tejjeb u popolarizza l-elettroforu, apparat li kien jipproduċi l-elettriku statiku. Il-promozzjoni ta' dan l-apparat min-naħa tiegħu tant kienet estensiva li spiss jitqies bħala l-inventur, għalkemm makkinarju li kien jaħdem bl-istess prinċipju kien ġie deskritt fl-1762 mill-isperimentatur Żvediż Johan Wilcke. Fl-1777, huwa vvjaġġa fl-Iżvizzera. Hemmhekk għamel ħbieb ma' H. B. de Saussure.
Fis-snin bejn l-1776 u l-1778, Volta studja x-xjenza kimika tal-gassijiet. Huwa rriċerka u skopra l-metan wara li qara saġġ ta' Benjamin Franklin tal-Istati Uniti dwar l-"arja fjammabbli". F'Novembru 1776, huwa sab il-metan fl-imraġ ta' Angera fil-Lago Maggiore, u sal-1778 huwa rnexxielu jiżola l-metan. Huwa wettaq esperimenti bħat-tqabbid tal-metan permezz ta' sparkjatura elettrika f'kompartiment magħluq.
Volta studja wkoll dak li issa nsejħu kapaċitanza elettrika, u żviluppa mezzi separati biex jistudja l-potenzjal elettriku (V) u l-karga (Q), u skopra li għal oġġett partikolari, dawn ikunu proporzjonali. Din tissejjaħ il-Liġi tal-Kapiċitanza ta' Volta, u għal dan ix-xogħol l-unità tal-potenzjal elettriku ngħatat kunjomu.
Fl-1779, huwa sar professur tal-fiżika sperimentali fl-Università ta' Pavia, kariga li okkupa għal kważi 40 sena.
Luigi Galvani, fiżiku Taljan, skopra xi ħaġa li semmiha "elettriku tal-annimali", meta żewġ metalli differenti ġew konnessi f'serje ma' sieq ta' żrinġ u ma' xulxin. Volta rrealizza li sieq iż-żrinġ serviet kemm bħala konduttur tal-elettriku (li issa nistgħu nsejħu elettrolit) kif ukoll bħala detettur tal-elettriku. Huwa fehem ukoll li sieq iż-żrinġ kien irrelevanti għall-kurrent elettriku, li kien ikkawżat miż-żewġ metalli differenti. Huwa ssostitwixxa sieq iż-żrinġ b'biċċa karta miblula fis-salmura, u qagħad attent għall-fluss tal-elettriku b'mezzi oħra li kien familjari magħhom minn studji preċedenti tiegħu. B'dan il-mod huwa skopra s-serje elettrokimika, u l-liġi li l-forza elettromotiva (emf) ta' ċellola galvanika, magħmula minn par elettrodi tal-metall isseparati b'elettrolit, hija d-differenza bejn iż-żewġ potenzjali tal-elettrodi (għaldaqstant, żewġ elettrodi identiċi u elettrolit komuni jwasslu għal emf nett ta' żero). Din il-liġi tista' tissejjaħ il-Liġi ta' Volta dwar is-serje elettrokimika.
Fl-1800, bħala riżultat ta' nuqqas ta' qbil professjonali fuq ir-rispons galvaniku sostnut minn Galvani, Volta vvinta l-batterija voltajka, batterija elettrika bikrija, li kienet tipproduċi kurrent elettriku stabbli. Volta ddetermina li l-iżjed par effettiv ta' metalli differenti biex jiġi prodott l-elettriku kienu ż-żingu u r-ram. Inizjalment sperimenta b'ċelloli individwali f'serje, u kull ċellola kienet magħmula minn kalċi tal-inbid mimli salmura b'żewġ elettrodi differenti mdaħħlin. Il-batteriji voltajċi ssostitwew il-kalċijiet b'kartun miblul fis-salmura.
Meta ħabbar l-iskoperta tiegħu tal-batterija voltajka, Volta ta ġieħ lil William Nicholson, Tiberius Cavallo, u Abraham Bennet għall-influwenzi tagħhom.
Il-batterija magħmula minn Volta titqies bħala waħda mill-ewwel ċelloli elettrokimiċi. Tikkonsisti minn żewġ elettrodi: wieħed taż-żingu, u l-ieħor tar-ram. L-elettrolit ikun aċidu tal-kubrit imħallat bl-ilma jew tip ta' salmura tal-ilma baħar. L-elettrolit jeżisti bħala 2 H+ u SO2−4. Il-metall taż-żingu, li huwa ogħla fis-serje elettrokimika meta mqabbla mar-ram u mal-idroġenu, jiġi ossidat ma' katjoni taż-żingu (Zn2+) u joħloq elettroni li jimxu lejn l-elettrodu tar-ram. Il-joni tal-idroġenu b'karga pożittiva (protoni) jaqbdu l-elettroni mill-elettrodu tar-ram, u jiffurmaw bżieżaq tal-gass tal-idroġenu, H2. B'hekk, il-virga taż-żingu ssir l-elettrodu negattiv u l-virga tar-ram issir l-elettrodu pożittiv. Għaldaqstant, ikun hemm żewġ terminals, u fluss ta' kurrent elettriku jekk jiġu konnessi. Ir-reazzjonijiet kimiċi f'din iċ-ċellola voltajka jkunu kif ġej:
Il-metall tar-ram ma jirreaġixxix, iżda minflok jiffunzjona bħala elettrodi għall-kurrent elettriku. L-anjon tas-sulfati (SO2−4) ma jkollu l-ebda reazzjoni kimika lanqas, iżda jkun hemm migrazzjoni lejn l-anodu taż-żingu biex jikkumpensa għall-karga tal-katjoni taż-żingu li jiffurmaw hemmhekk. Madankollu, din iċ-ċellola fiha wkoll xi żvantaġġi. L-immaniġġar tagħha mhuwiex sikur, peress li l-aċidu tal-kubrit, anke jekk jiġi dilwit, jista' jkun perikoluż. Barra minn hekk, il-potenza taċ-ċellola tmajna biż-żmien minħabba li l-gass tal-idroġenu ma jiġix irrilaxxat. Minflok, jakkumla fuq is-superfiċe tal-elettrodu tar-ram u jifforma barriera fiżika bejn il-metall u s-soluzzjoni tal-elettrolit.
Fl-1809, Volta sar membru assoċjat tal-Istitut Irjali tan-Netherlands. Għax-xogħol li wettaq, Volta ngħata t-titlu ta' konti minn Napuljun Bonaparte fl-1810.
Volta rtira fl-1819 fil-villa tiegħu f'Camnago, raħal żgħir qrib Como, l-Italja, issa msejjaħ "Camnago Volta" biex jagħtih ġieħ. Volta miet hemmhekk fil-5 ta' Marzu 1827, ftit wara li għalaq 82 sena. Il-katavru ta' Volta huwa midfun f'Camnago Volta.
Il-legat ta' Volta jiġi ċċelebrat mill-mafkar ta' Tempio Voltiano li jinsab fil-ġonna pubbliċi qrib il-lag. Hemm ukoll mużew li nbena f'ismu, li jeżebixxi wħud mill-apparati li Volta uża biex iwettaq l-esperimenti tiegħu. Fil-qrib hemm Villa Olmo, li tospita l-Fondazzjoni ta' Volta, organizzazzjoni li tippromwovi l-attivitajiet xjentifiċi. Volta wettaq l-istudji sperimentali tiegħu u pproduċa l-ewwel invenzjonijiet tiegħu qrib Como.
L-immaġni tiegħu kienet tidher fuq il-karta tal-flus Taljana ta' 10,000 lire note (1990–1997) flimkien ma' skizz tal-batterija voltajka tiegħu.
Fl-aħħar tal-2017, Nvidia ħabbret mikroarkitettura ġdida msejħa Volta, wara dik ta' Pascal u qabel dik ta' Turing. L-ewwel kards grafiċi bil-Volta ġew irrilaxxati f'Diċembru 2017, u żewġ kards oħra ġew irrilaxxati matul l-2018.
L-ispeċi ta' sallura elettrika, Electrophorus voltai, deskritta fl-2019 u l-iktar produttur ta' bijoelettriku qawwi fin-natura, ingħatat kunjom Volta.
Volta trabba bħala Kattoliku u għal ħajtu kollha pprattika dan it-twemmin. Peress li ma ġiex ordnat bħala membru tal-kleru kif kienet qed tistenna familtu, xi kultant kien jiġi akkużat li ma kienx reliġjuż u xi nies spekulaw dwar in-nuqqas possibli ta' twemmin tiegħu, u saħqu li "ma ngħaqadx mal-Knisja", jew li virtwalment "injora s-sejħa tal-Knisja". Madankollu, huwa neħħa kull dubju f'dikjarazzjoni tal-fidi fejn qal:
Ma nistax nifhem kif xi ħadd jista' jiddubita s-sinċerità u l-kostanza tal-għożża tiegħi għar-reliġjon li nipprattika, ir-reliġjon Rumana, Kattolika u Appostolika li jien twieled u trabbejt fiha, u li dejjem esprimejt, kemm esternament kif ukoll internament. Tabilħaqq, u pjuttost sikwit, ma rnexxilix inwettaq l-affarijiet tajbin li jwettaq Kristjan Kattoliku, u għamilt bosta dnubijiet: iżda bis-saħħa tal-ħniena speċjali ta' Alla, qatt, sa fejn naf jien, ma mort kontra t-twemmin tiegħi... F'dan it-twemmin li nirrikonoxxi bħala rigal pur ta' Alla, u grazzja supernaturali; ma injorajtx dawk il-mezzi umani li jikkonfermaw it-twemmin, u li jkeċċu d-dubji li xi kultant ifeġġu. Studjajt bir-reqqa r-raġunijiet u l-bażi tar-reliġjon, ix-xogħlijiet tal-apoloġisti u tal-assalituri, ir-raġunijiet favur u kontra, u nista' ngħid li r-riżultat ta' dan l-istudju kien li jlibbes ir-reliġjon b'grad ta' tant probabbiltà, anke sempliċement minħabba r-raġuni naturali, li kull spirtu mhux maħkum mid-dnub u miż-żina, kull spirtu naturalment nobbli għandu jħobb u jaċċetta r-reliġjon. Nittama li din id-dikjarazzjoni tiegħi li ntalbitli u li ridt nagħti, miktuba u sottoskritta minni stess, bl-awtorità li tintwera lil kull min ikun irid jaraha, għaliex ma nistħix mill-Vanġelu, tagħti l-frott!