Kampjonati Ewropej tal-Futbol 2012

Kampjonati Ewropej tal-Futbol 2012
(PL) Mistrzostwa Europy w Piłce Nożnej 2012
(UK) Чемпіонат Європи з футболу 2012
Dettalji tal-kompetizzjoni
Pajjiż ospitanti  Polonja
 Ukrajna
Dati 8 ta' Ġunju – 1 ta' Lulju
Parteċipanti 16 (minn konfederazzjoni waħda)
Grawnds (f'8 ibliet ospitanti)
Pożizzjonijiet finali
Rebbieħ  Spanja (it-3 titlu)
It-Tieni post  Italja
Statistika tal-kompetizzjoni
Partiti 31
Gowls skorjati 76 (2.45 kull logħba)
Attendenza 1,440,896 (46,481 kull logħba)
L-aqwa skorer(s) Spanja Fernando Torres (3)
2008
2016
Arloġġ ġewwa Lviv, fl-Ukrajna, juri l-ġranet li għad baqa' għall-bidu tal-kompetizzjoni

Il-Kampjonati Ewropej tal-Futbol 2012, magħrufin sempliċement bħala Euro 2012, kienu l-erbatax-il edizzjoni tal-Kampjonati Ewropej, kompetizzjoni dedikata għat-timijiet nazzjonali tal-futbol tal-UEFA. Il-fażi finali tat-turnew saret ġewwa l-Polonja u l-Ukrajna bejn it-8 ta' Ġunju u l-1 ta' Lulju 2012.

Din kienet l-aħħar darba li l-fażi finali rat il-parteċipazzjoni ta' 16-il pajjiż, fejn għall-edizzjoni tal-2016 hu previst li n-numru ta' parteċipanti jiġi estiż għal 24. Il-fażi ta' kwalifikazzjoni saret bejn Awwissu 2010 u Novembru 2011.

Fil-finali li saret ġewwa l-Olympic Stadium ta' Kjiv (l-Ukrajna), Spanja rebħu l-kompetizzjoni bl-iskor ta' 4–0 kontra l-Italja. B'din ir-rebħa Spanja saru l-ewwel tim li rebħu żewġ edizzjonijiet konsekuttivi tal-Kampjonati tal-Euro, u l-ewwel tim nazzjonali Ewropew li rebaħ tliet titli internazzjonali infila, li jinkludu l-Euro 2008 u t-Tazza tad-Dinja 2010. Minħabba li Spanja kienu diġà ggwadanjaw l-aċċess għat-Tazza tal-Konfederazzjonijiet 2013 wara t-trijonf fit-Tazza tad-Dinja, l-Italja ikkwalifikat.

L-għażla tal-organizzatur

Offerti

Għall-bidu, l-organizzazzjoni ta' dan l-avveniment kienet bejn ħames offerti minn seba' pajjiżi: KroazjaUngerija (ma' xulxin), il-Greċja, l-Italja, PolonjaUkrajna (ma' xulxin), u t-Turkija.

Nhar it-8 ta' Novembru, 2005, il-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA naqqas il-lista tal-kandidati għal tlieta:

Pajjiż Voti
Bandiera tal-Italja Italja 11
Bandiera tal-Kroazja Kroazja / Bandiera tal-Ungerija Ungerija 9
Bandiera tal-Polonja Polonja / Bandiera tal-Ukrajna Ukrajna 7
Bandiera tat-Turkija Turkija 6
Bandiera tal-Greċja Greċja 2

Fil-31 ta' Mejju 2006, it-tliet offerti komplew it-tieni fażi tal-proċess billi bagħtu iktar dossiers dettaljati. F'Settembru tal-2006, il-UEFA wettqet żjarat fuq is-siti tal-pajjiżi kandidati. L-offerta ta' Polonja–Ukrajna ġiet magħżula b'votazzjoni mill-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA waqt laqgħa ġewwa Cardiff nhar it-18 ta' April 2007. B'hekk din saret it-tielet darba li żewġ pajjiżi ospitaw il-Kampjonati Ewropej, wara BelġjuPajjiżi l-Baxxi (2000) u AwstrijaŻvizzera (2008). Ir-riżultati tal-votazzjoni kienu hekk:

Pajjiż Voti
Bandiera tal-Polonja Polonja / Bandiera tal-Ukrajna Ukrajna 8
Bandiera tal-Italja Italja 4
Bandiera tal-Kroazja Kroazja / Bandiera tal-Ungerija Ungerija 0

Proċedura tal-votazzjoni

Il-votazzjoni kellha ssir f'massimu ta' żewġ rawnds. Sabiex il-vot ikun validu, kellu jkun hemm kworum fil-kamra tal-laqgħat, jiġifieri, mill-inqas tmien membri tal-Kumitat, esklużi l-president u d-deputat li ma kellhomx id-dritt il-vot. Fl-ewwel rawnd, kull membru kellu vot wieħed. Minħabba li l-offerta tal-Polonja u l-Ukrajna kisbet maġġoranza assoluta ta' tmien voti, din tħabbret bħala r-rebbieħa u ma kienx hemm bżonn li jsir it-tieni rawnd.

Il-votazzjoni saret mill-membri tal-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA kompost minn 14-il membru:

  1. Franza Michel Platini – President
  2. Turkija Senes Erzik
  3. Ingilterra Geoffrey Thompson
  4. Spanja Angel María Villar Llona
  5. Ġermanja Gerhard Mayer-Volferder
  6. Ċipru Marios N. Lefkaritis
  7. Italja Franco Carraro
  8. Russja Vjačeslav Koloskov
  9. Portugall Gilberto Madaíl
  10. Malta Joseph Mifsud
  11. Norveġja Per Ravn Omdal
  12. Rumanija Mircea Sandu
  13. Netherlands Mathieu Sprengers
  14. Ukrajna Grigoryi Surkis

La Carraro u lanqas Surkis ma setgħu jivvutaw fl-ebda votazzjoni, minħabba li kienu rappreżentati ta' pajjiżi kandidati. Din ħalliet tnax-il vot disponibbli għat-tliet offerti.

Stadji

Il-lista tat-tmient ibliet li se jospitaw il-partita tal-Euro 2012 ġiet uffiċjalizzata mill-UEFA f'laqgħa ġewwa Bukarest nhar l-14 ta' Mejju 2009, fejn kull grupp se jibbaża ruħu fuq żewġ grawnds kull wieħed.

Il-bliet ospiti ta' Varsavja, Gdańsk, Wrocław, Poznań, Kjiv u Lviv huma kollha mkejjen turistiċi popolari, bil-kontra ta' Donetsk u Kharkiv (tal-aħħar ħadet post lil Dnipropetrovsk bħala belt ospitu fl-2009).

Bandiera tal-Polonja Polonja
Varsavja Gdańsk Wrocław Poznań
Stadion Narodowy
Postijiet: 56,070
PGE Arena
Postijiet: 39,150
Stadion Miejski
Postijiet: 40,000
Municipal Stadium
Postijiet: 39,550
Ukrajna
Kjiv Donetsk Kharkiv Lviv
Olympic Stadium
Postijiet: 64,640
Donbass Arena
Postijiet: 49,400
Metalist Stadium
Postijiet: 37,750
Arena Lviv
Postijiet: 32,990

Kwalifikazzjoni

Biex tapprofondixxi, ara l-artiklu: Kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej tal-Futbol 2012.
It-tim nazzjonali Irlandiż jiċċelebra l-kwalifikazzjoni wara t-trijonf fil-play-offs kontra l-Estonja

It-tlugħ tal-poloz għall-partiti tal-fażi ta' kwalifikazzjoni għall-Euro 2012 saru ġewwa Varsavja fis-7 ta' Frar 2010. 51 tim daħlu jikkompetu għal 14-il post fil-fażi finali, flimkien mal-Polonja u l-Ukrajna. Dawn it-timijiet ġew maqsuma f'disa' gruppi, bil-polza taqsamhom skont il-koeffiċjenti tat-timijiet nazzjonali tal-UEFA.

Ir-rawnd ta' kwalifikazzjoni bdiet f'Awwissu tal-2010 u tlestiet f'Novembru 2011. Fi tmiem il-fażi tal-gruppi f'Ottubru 2011, id-disa' rebbieħa tal-gruppi għaddew awtomatikament għall-finali, bl-aqwa tim li spiċċa fit-tieni post jagħmel dan ukoll. It-tmien timijiet l-oħra li temmew fit-tieni post affrontaw lil xulxin fi play-off ta' żewġ legs, bir-rebbieħa jaqtgħu passaġġ għall-finali.

Timijiet parteċipanti

Il-fażi finali tal-kompetizzjoni se tara sittax-il tim nazzjonali, format li ilu jiġi adottat mill-1996. Ċerti assoċjazzjonijiet tal-futbol Ewropej ipproponew li dan jiġi estiż għal 24 tim, minkejja li n-numru ta' membri tal-UEFA ftit li xejn kiber minn mindu saret l-aħħar estensjoni fl-1996 (53 f'April tal-2006 ikkumparat ma' 48 fl-Euro 1996). F'April tal-2007, il-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA iddeċieda kontra l-estensjoni għall-2012.

Għal dawn il-kampjonati, tnax-il finalist ħadu sehem fl-edizzjoni preċedenti tal-2008, bl-Ingilterra u d-Danimarka jirritornaw wara l-2004. Ir-Repubblika tal-Irlanda rritornat wara assenza ta' 24 sena għat-tieni dehra tagħhom f'fażi finali tal-kompetizzjoni. Waħda mill-ospiti, l-Ukrajna, iddebuttat bħala pajjiż indipendenti wara r-rebħ tal-edizzjoni inawgurali tal-1960 bħala parti mill-Unjoni Sovjetika.

Referenzi

  1. ^ Chaplin, Mark (2005-11-08). "Trio in EURO 2012 running" (bl-Ingliż). UEFA. Miġbur 2007-04-19.

Ħoloq esterni