Karlu III (Karlu Filippu Arthur Ġorġ; twieled fl-14 ta' Novembru 1948) huwa r-Re tar-Renju Unit u 14-il ream ieħor tal-Commonwealth. Huwa sar re fit-8 ta' Settembru 2022 mal-mewt ta' ommu, ir-Reġina Eliżabetta II. Bħala d-Duka ta' Cornwall u d-Duka ta' Rothesay mill-1952 sa meta sar re, huwa kien l-ikbar eredi apparenti fl-istorja tar-Renju Unit u l-iżjed Prinċep ta' Wales li dam f'dan ir-rwol, mis-26 ta' Lulju 1958 sa meta sar re. Karlu III huwa wkoll l-iżjed persuna mdaħħla fiż-żmien (73 sena) li qatt telgħet fuq it-tron. Qablu r-rekord kien ta' William IV li kellu 64 sena.
Karlu III twieled fil-Palazz ta' Buckingham u kien l-ewwel wild ta' Eliżabetta II u ta' Filippu, id-Duka ta' Edinburgu. Huwa kien l-ewwel neputi tar-Re Ġorġ VI u l-konsorti tiegħu, Eliżabetta I. Huwa ngħata l-edukazzjoni tiegħu fl-iskejjel ta' Cheam u ta' Gordonstoun, fejn kien attenda l-iskola missieru meta kien żgħir. Iktar 'il quddiem qatta' sena fil-kampus ta' Timbertop fl-Iskola tal-Grammatika ta' Geelong f'Victoria, l-Awstralja. Wara li kiseb Baċellerat tal-Arti fl-Università ta' Cambridge, Karlu kien ta' servizz fil-Forza tal-Ajru Rjali u fil-Flotta Rjali mill-1971 sal-1976. Fl-1981 iżżewweġ lil Lady Diana Spencer, il-Prinċipessa ta' Wales u magħha kellha żewġ subien, il-Prinċep William u l-Prinċep Harry. Fl-1996, il-koppja divorzjat wara li t-tnejn li huma kellhom relazzjonijiet barra ż-żwieġ li dehru fil-mezzi kollha tax-xandir. Diana mietet wara ħabta b'karozza f'Pariġi, Franza, is-sena ta' wara. Fl-2005 Karlu III żżewweġ lil Camilla Parker Bowles, ir-Reġina konsorti.
Bħala l-Prinċep ta' Wales, Karlu wettaq xi dmirijiet uffiċjali f'isem ir-Reġina Eliżabetta II. Fl-1976 huwa stabbilixxa l-organizzazzjoni tal-karità taż-żgħażagħ, it-Trust tal-Prinċep, jisponsorja l-organizzazzjonijiet tal-karità tal-Prinċep, u huwa patrun, president jew membru ta' iktar minn 400 organizzazzjoni jew għaqda oħra tal-karità. Huwa tkellem favur il-konservazzjoni tal-binjiet storiċi u l-importanza tal-arkitettura fis-soċjetà. Bħala kritiku tal-arkitettura modernista, Karlu ħadem fuq il-ħolqien ta' Poundbury, raħal sperimentali ġdid ibbażat fuq il-gosti arkitettoniċi tiegħu. Huwa wkoll awtur jew koawtur ta' għadd ta' kotba.
Huwa kemm-il darba ddeskriva lilu nnifsu bħala ambjentalista u appoġġa l-biedja organika u l-azzjoni ta' prevenzjoni tat-tibdil fil-klima bħala l-amministratur tal-proprjetajiet tad-Dukat ta' Cornwall, li rebħuh premjijiet u rikonoxximenti minn gruppi ambjentali. Huwa kien ukoll kritiku prominenti tal-adozzjoni tal-ikel immodifikat ġenetikament. L-appoġġ ta' Karlu għall-psewdoxjenza, inkluż l-omeopatija, wassallu xi kritika. L-imġiba tal-għaqdiet u l-organizzazzjonijiet tal-karità tiegħu attirat xi kritika wkoll, wara allegazzjonijiet li ġiet offerta ċ-ċittadinanza Brittanika lid-donaturi, u wara li l-Fondazzjoni tal-Prinċep kienet soġġetta għal investigazzjoni tal-Pulizija Metropolitana minħabba dawk l-allegazzjonijiet.
Titli
L-14 ta' Novembru 1948 – is-6 ta' Frar 1952: l-Altezza Rjali Tiegħu l-Prinċep Karlu ta' Edinburgu.
Is-6 ta' Frar 1952 – it-8 ta' Settembru 2022: l-Altezza Rjali Tiegħu d-Duka ta' Cornwall.
fl-Iskozja: is-6 ta' Frar 1952 – it-8 ta' Settembru 2022: l-Altezza Rjali Tiegħu d-Duka ta' Rothesay.
Is-26 ta' Lulju 1958 – it-8 ta' Settembru 2022: l-Altezza Rjali Tiegħu l-Prinċep ta' Wales.
It-8 ta' Settembru 2022 – sal-preżent: il-Maestà Tiegħu r-Re tar-Renju Unit.
Meta wieħed jitkellem mar-Re, l-etikett jitlob li inizjalment wieħed jindirizzah bħala l-Maestà Tiegħek u wara jibqa' jirreferi għalih bħala Sir.
^Spangenburg, Ray; Moser, Diane (2004). "Organic and GMO-Free Foods: A Luxury?". Open For Debate: Genetic Engineering. Benchmark Books. p. 32. ISBN 9780812979800.