Robert Wilhelm Eberhard Bunsen (bil-Ġermaniż: ; twieled fit-30 ta' Marzu 1811 – miet fis-16 ta' Awwissu 1899) kien kimiku Ġermaniż. Huwa investiga l-ispettri tal-emissjonijiet ta' elementi msaħħna, u skopra ċ-ċesju fl-1860 u r-rubidju fl-1861 flimkien mal-fiżiku Gustav Kirchhoff. Il-Premju Bunsen-Kirchhoff għall-ispettroskopija ssemma għalihom.
Bunsen żviluppa wkoll diversi metodi analitiċi tal-gassijiet, kien pijunier fil-fotokimika, u għamel xogħol bikri fil-qasam tal-kimika organoarsenika. Flimkien mal-assistent tal-laboratorju tiegħu Peter Desaga, huwa żviluppa l-Bunsen burner, titjib fuq il-burners tal-laboratorju li kienu jintużaw dak iż-żmien.
Bunsen twieled f'Göttingen, il-Ġermanja, fl-1811, f'dak li issa huwa l-istat federali ta' Niedersachsen. Bunsen kien l-iżgħar minn erba' subien tal-kap librar u tal-Professur tal-filoloġija moderna, Christian Bunsen (1770-1837).
Wara li attenda l-iskola f'Holzminden, Bunsen daħal fl-Università ta' Göttingen fl-1828 u studja l-kimika ma' Friedrich Stromeyer kif ukoll il-mineroloġija ma' Johann Friedrich Ludwig Hausmann u l-matematika ma' Carl Friedrich Gauss. Wara li kiseb dottorat fl-1831, Bunsen qatta' l-1832 u l-1833 jivvjaġġa fi Franza, fil-Ġermanja u fl-Awstrija. Matul il-vjaġġi tiegħu, Bunsen iltaqa' max-xjentisti Friedlieb Runge (li skopra l-anilina u fl-1819 iżola l-kaffeina), u Justus von Liebig f'Giessen, u ma' Eilhard Mitscherlich f'Bonn.
Fl-1833, Bunsen sar lettur fl-Università ta' Göttingen u beda studji sperimentali dwar is-solubbiltà tal-imluħa tal-metalli tal-aċedu arseniku. L-iskoperta tiegħu dwar l-użu tal-idrat tal-ossidu tal-ħadid bħala aġent tal-preċipitazzjoni wassal għal dak li sa llum għadu l-iktar antidotu effettiv kontra l-avvelenament bl-arseniku. Din ir-riċerka interdixxiplinari twettqet u ġiet ippubblikata flimkien mal-fiżiku Arnold Adolph Berthold. Fl-1836, Bunsen kien is-suċċessur ta' Friedrich Wöhler fl-Iskola Politeknika ta' Kassel (bil-Ġermaniż: Baugewerkschule Kassel). Bunsen għallem hemm għal tliet snin, u mbagħad aċċetta li jsir professur temporanju fl-Università ta' Marburg, fejn kompla bl-istudji tiegħu fuq id-derivati kakodiliċi. Huwa ġie promoss għal professur permanenti fl-1841. Meta kien fl-Università ta' Marburg, Bunsen ipparteċipa fl-ispedizzjoni tal-1846 għall-investigazzjoni tal-vulkani tal-Iżlanda.
Permezz tax-xogħol tiegħu, Bunsen malajr kiseb fama kbira, parzjalment minħabba li l-kakodil, li huwa estremament tossiku u jwettaq kombustjoni spontanja fl-arja niexfa, tant huwa diffiċli biex taħdem bih. Bunsen kważi miet minn avvelenament bl-arseniku, u minħabba splużjoni bil-kakodil tilef id-dawl minn għajnu il-leminija. Fl-1841, Bunsen ħoloq il-batterija taċ-ċelloli ta' Bunsen, li tuża elettrodu tal-karbonju minflok elettrodu għali tal-platinu kif kien jintuża fiċ-ċellola elettrokimika ta' William Robert Grove. Fil-bidu tal-1851, huwa aċċetta li jsir Professur fl-Università ta' Breslau (issa Wrocław), fejn għallem għal tliet semestri.
Fl-aħħar tal-1852, Bunsen sar is-suċċessur ta' Leopold Gmelin fl-Università ta' Heidelberg. Hemmhekk uża l-elettrolisi biex jipproduċi metalli puri, bħall-kromju, il-manjesju, l-aluminju, il-manganiż, is-sodju, il-barju, il-kalċju u l-litju. Kollaborazzjoni fit-tul ma' Henry Enfield Roscoe bdiet fl-1852, fejn studjaw il-formazzjoni fotokimika tal-klorur tal-idroġenu (HCl) mill-idroġenu u mill-kloru. Minn dan ix-xogħol oriġinat il-liġi tar-reċiproċità ta' Bunsen u Roscoe. Huwa ma baqax jaħdem ma' Roscoe fl-1859 u ngħaqad ma' Gustav Kirchhoff biex jistudjaw l-ispettri tal-emissjonijiet tal-elementi msaħħna, qasam tar-riċerka msejjaħ analiżi tal-ispettru. Għax-xogħol tiegħu, Bunsen u l-assistent tal-laboratorju tiegħu, Peter Desaga, kienu pperfezzjonaw burner speċjali tal-gass sal-1855, li kien influwenzat minn mudelli preċedenti. Id-disinn iktar ġdid ta' Bunsen u Desaga, li kien jipprovdi fjamma iktar taħraq u nadifa, issa jissejjaħ sempliċement "Bunsen burner", tagħmir komuni tal-laboratorju.
Kien hemm studji preċedenti tal-kuluri karatteristiċi tal-elementi msaħħna, iżda xejn sistematiku. Fis-sajf tal-1859, Kirchhoff issuġġerixxa lil Bunsen li missu jipprova jifforma spettri prismatiċi ta' dawn il-kuluri. Sa Ottubru ta' dik is-sena, iż-żewġ xjenzati kienu ivvintaw strument xieraq, prototip ta' spettroskopju. Bl-użu tiegħu, irnexxielhom jidentifikaw l-ispettri karatteristiċi tas-sodju, tal-litju u tal-potassju. Wara bosta purifikazzjonijiet skabrużi, Bunsen irnexxielu juri li kampjuni puri ħafna kienu jagħtu spettri uniċi. Matul ix-xogħol tiegħu, Bunsen individwa linji ta' emissjonijiet spettrali blu ġodda, li qabel ma kinux magħrufa, fil-kampjuni tal-ilma minerali minn Dürkheim. Huwa qata' li dawn il-linji kienu jindikaw l-eżistenza ta' element kimiku li kien għadu ma ġiex skopert. Wara d-distillazzjoni bir-reqqa ta' erbgħin tunnellata ta' dan l-ilma, fir-rebbiegħa tal-1860, irnexxielu jiżola 17-il gramma ta' dan l-element ġdid li sejjaħlu "ċesju", il-kelma Latina għal blu qawwi. Is-sena ta' wara skopra r-rubidju permezz ta' proċess simili.
Fl-1860, Bunsen ġie elett bħala membru barrani tal-Akkademja Żvediża Rjali tax-Xjenzi.
Huwa ġie elett bħala membru tas-Soċjetà Filosofika Amerikana fl-1862.
Fl-1877, Robert Bunsen flimkien ma' Gustav Robert Kirchhoff kienu l-ewwel riċevituri tal-medalja prestiġjuża ta' Davy "għar-riċerki u għall-iskoperti tagħhom fl-analiżi tal-ispettru".
Bunsen kien wieħed mill-iktar xjenzati ammirati universalment tal-ġenerazzjoni tiegħu. Huwa kien għalliem prim, devot tal-istudenti tiegħu, u huma kienu jkunu devoti tiegħu bl-istess mod. Fi żmien ta' dibattiti xjentifiċi vigorużi u spiss imqanqlin ħafna, Bunsen dejjem ġab ruħu ta' ġentlom mill-aqwa, u żamm id-distanza minn tilwim dwar it-teoriji. Minflok kien jippreferi jaħdem fil-kwiet tal-laboratorju tiegħu, u jkompli jarrikkixxi x-xjenza tiegħu bi skoperti utli. Bħala kwistjoni ta' prinċipju huwa qatt ma għamel privattiva. Barra minn hekk, huwa qatt ma żżewweġ.
Minkejja n-nuqqas ta' pretensjonijiet tiegħu, Bunsen kellu "karattru kimiku" fuq tiegħu, kellu sens tal-umoriżmu żviluppat ferm, u huwa s-suġġett ta' bosta aneddoti tad-daħk.
Meta Bunsen irtira tal-età ta' 78 sena, huwa baqa' jaħdem biss fuq il-ġeoloġija u l-mineraloġija, li kienu interessi li kellu wkoll tul il-karriera tiegħu. Huwa miet f'Heidelberg, il-Ġermanja, fis-16 ta' Awwissu 1899, tal-età ta' 88 sena.