Teotihuacan (pronunzjata /teɪˌoʊtiːwəˈkɑːn/ u spelluta wkoll Teotihuacán) hija belt antika Mesoamerikana li tinsab f'sottowied tal-Wied tal-Messiku, li jinsab fl-Istat tal-Messiku, madwar 40 kilometru (25 mil) fil-Grigal tal-Belt tal-Messiku moderna. Teotihuacan illum il-ġurnata hija magħrufa bħala s-sit fejn hemm bosta mill-iżjed piramidi Mesoamerikani sinifikanti mill-puntdivista arkitettoniku li nbnew fl-Amerki pre-Kolumbjani, fosthom il-Piramida tax-Xemx u l-Piramida tal-Qamar. Fl-aqwa tagħha, x'aktarx fl-ewwel nofs tal-ewwel millenju (1 W.K. sal-500 W.K.), Teotihuacan kienet l-ikbar belt fl-Amerki, b'popolazzjoni li huwa stmat li kienet tlaħħaq il-125,000 jew iktar, u b'hekk kienet mill-inqas is-sitt l-ikbar belt fid-dinja dak iż-żmien.
Il-belt kienet tkopri tmien mil kwadru (21 km2), u 80 sa 90 fil-mija tal-popolazzjoni totali tal-wied kienet tirresjedi f'Teotihuacan. Minbarra l-piramidi, Teotihuacan hija sinifikanti wkoll mill-puntdivista antropoloġiku għall-kumplessi residenzjali għal diversi familji, għat-Triq tal-Mejtin, u għall-affreski vibranti u ppreservati sew tagħha. Barra minn hekk, Teotihuacan kienet tesporta għodod fini tal-ossidjana li nstabu fil-Mesoamerka kollha. Huwa maħsub li l-belt ġiet stabbilita għall-ħabta tal-100 Q.K., b'bosta monumenti ewlenin li bdew jinbnew madwar il-250 W.K. Il-belt jaf damet teżisti sal-ħabta tas-sekli 7 u 8 W.K., iżda l-monumenti ewlenin tagħha nsterqu u ngħataw in-nar sistematikament għall-ħabta tal-550 W.K. Il-waqgħa tal-belt jaf hija relatata mal-fenomeni estremi tat-temp tal-535-536 W.K.
Teotihuacan bdiet bħala ċentru reliġjuż fl-Artijiet Għoljin Messikani għall-ħabta tas-seklu 1 W.K u saret l-ikbar ċentru u l-iżjed wieħed popolat fl-Amerki pre-Kolombjani. Teotihuacan kien fiha kumplessi residenzjali b'diversi sulari li nbnew biex jakkomodaw il-popolazzjoni daqstant kbira. It-terminu Teotihuacan (jew Teotihuacano) jintuża wkoll biex jirreferi għaċ-ċivilizzazzjoni kollha kif ukoll għall-kumpless kulturali assoċjat mas-sit.
Għalkemm huwa parti minn dibattitu miftuħ jekk Teotihuacan kinitx iċ-ċentru ta' imperu statali, l-influwenza tagħha fil-Mesoamerka kollha hija ddokumentata sew. Evidenza tal-preżenza Teotihuacano nstabet f'bosta siti f'Veracruz u fir-reġjun tal-Maja. L-Azteki ta' warajhom raw dawn il-fdalijiet tal-għaġeb u sostnew li kellhom nisel komuni mat-Teotihuacanos, u b'hekk immodifikaw u adottaw ċertu aspetti tal-kultura tagħhom. L-etniċità tal-abitanti ta' Teotihuacan għadu dibattitu miftuħ. Kandidati possibbli huma l-gruppi etniċi tan-Nahua, tal-Otomi jew tat-Totonac. Studjużi oħra ssuġġerew li Teotihuacan kienet multietnika, minħabba l-iskoperta ta' aspetti kulturali marbuta mal-Maja kif ukoll mal-poplu Oto-Pamean. Mhuwiex ċar jekk bosta gruppi kulturali differenti għexux f'Teotihuacan fl-aqwa tagħha, b'migranti li wasslu minn kullimkien, iżda speċjalment minn Oaxaca u l-Kosta tal-Golf.
Wara l-waqgħa ta' Teotihuacan, il-Messiku ċentrali ġie ddominat minn setgħat iktar reġjonali, l-aktar dawk ta' Xochicalco u ta' Tula.
Il-belt u s-sit arkeoloġiku jinsabu fil-muniċipalità moderna ta' San Juan Teotihuacán fl-Istat tal-Messiku, madwar 40 kilometru (25 mil) fil-Grigal tal-Belt tal-Messiku. Is-sit ikopri erja totali ta' 83 kilometru kwadru (32 mil kwadru) u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987. Huwa l-iżjed sit arkeoloġiku li jżuruh nies fil-Messiku, b'saħansitra 4,185,017 viżitatur fl-2017.
L-isem Teōtīhuacān ingħata mill-Azteki li kienu jitkellmu l-lingwa Nahuatl, sekli wara l-waqgħa tal-belt għall-ħabta tal-550 W.K. It-terminu jingħad li jfisser "il-post tat-twelid tal-allat" jew "il-post fejn twieldu l-allat", skont riflessjoni tal-miti tal-ħolqien bin-Nahuatl li kien jingħad li kienu jseħħu f'Teotihuacan. Studjuża tan-Nahuatl Thelma D. Sullivan tinterpreta l-isem bħala "l-post ta' dawk li għandhom it-triq tal-allat". Dan għaliex l-Azteki kienu jemmnu li l-allat ħolqu l-univers f'dak is-sit. L-isem huwa ppronunzjat bin-Nahuatl, bl-aċċent fuq is-sillaba wa. Skont il-konvenzjonijiet ortografiċi normali tan-Nahuatl, aċċent bil-miktub ma jitpoġġiex f'dik il-pożizzjoni. Jintużaw kemm din il-pronunzja kif ukoll il-pronunzja u l-ortografija bl-Ispanjol .
L-isem oriġinali tal-belt mhuwiex magħruf, iżda jidher fit-testi ġeroglifiċi mir-reġjun tal-Maja bħal puh jew "il-Post tal-Qasab". Dan jissuġġerixxi li, fiċ-ċivilizzazzjoni tal-Maja tal-perjodu Klassiku, Teotihuacan kienet mifhuma bħala l-Post tal-Qasab, b'mod simili bħal insedjamenti Post-Klassiċi oħra tal-Messiku Ċentrali li ngħataw l-isem ta' Tollan, bħal Tula-Hidalgo u Cholula.
Din il-konvenzjoni fit-tismija wasslet għal konfużjoni sħiħa fil-bidu tas-seklu 20, peress li diversi studjużi bdew jiddibattu liema minn Teotihuacan jew Tula-Hidalgo kienet it-Tollan deskritta mill-ġrajjiet tas-seklu 16. Milli jidher issa huwa ċar li Tollan tista' tinftiehem bħala terminu ġeneriku bin-Nahuatl li kien jiġi applikat għal kwalunkwe insedjament kbir. Fil-kunċett Mesoamerikan tal-urbaniżmu, Tollan u ekwivalenti lingwistiċi oħra jservu bħala metafora, li torbot il-qatgħat tal-qasab u tal-arbuxelli li kienu jiffurmaw parti mill-ambjent tal-lagi tal-Wied tal-Messiku u l-għadd kbir ta' nies f'belt.
Mit-23 ta' Jannar 2018, l-isem Teotihuacan tpoġġa taħt skrutinju mill-esperti, li issa jħossu li isem is-sit seta' tbiddel mill-kolonizzaturi Spanjoli fis-seklu 16. L-arkeologa Veronica Ortega tal-Istitut Nazzjonali tal-Antropoloġija u tal-Istorja tistqarr li l-belt milli jidher effettivament ingħatat l-isem ta' Teohuacan, li tfisser "il-Belt tax-Xemx" iktar milli "l-Belt tal-Allat", kif jissuġġerixxi l-isem attwali.
L-ewwel insedjament uman fl-inħawi ta' Teotihuacan imur lura għas-600 Q.K., u sal-200 Q.K. is-sit kien jikkonsisti minn għadd ta' villaġġi żgħar mifruxa 'l hemm u 'l hawn. Huwa stmat li l-popolazzjoni totali tal-Wied ta' Teotihuacan f'dak iż-żmien kienet tlaħħaq madwar 6,000 ruħ. Mill-100 Q.K. sas-750 W.K., Teotihuacan evolviet f'ċentru urban u amministrattiv kbir b'influwenzi kulturali mifruxa fir-reġjun Mesoamerikan usa'.
L-istorja ta' Teotihuacan tiġi distinta f'erba' perjodu konsekuttivi:
Il-Perjodu I li seħħ bejn il-200 u l-1 Q.K. jimmarka l-iżvilupp ta' żona urbana distinta. Matul dan il-perjodu, Teotihuacan bdiet tikber f'belt u l-bdiewa lokali bdew jinġabru madwar il-fawwara abbundanti ta' Teotihuacan.
Il-Perjodu II dam mill-1 W.K sat-350 W.K. Matul dan il-perjodu, Teotihuacan esperjenzat tkabbir enormi u żviluppat fl-ikbar metropoli tal-Mesoamerka. Fost il-fatturi li influwenzaw dan it-tkabbir hemm il-qerda ta' insedjamenti oħra minħabba żbroffar vulkaniku u l-attraenza ekonomika tal-belt li kulma jmur kienet qed tespandi. Dan l-influss ta' residenti ġodda kkawża l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-abitazzjonijiet urbani fil-kumplessi residenzjali uniċi li huma tipiċi ta' Teotihuacan. Dan il-perjodu huwa notevoli għall-arkitettura u għall-iskultura monumentali tiegħu, speċjalment il-kostruzzjoni ta' wħud mill-iżjed siti magħrufa sew ta' Teotihuacan, jiġifieri l-Piramidi tax-Xemx u tal-Qamar. Barra minn hekk, kien hemm ukoll it-tranżizzjoni tal-poter politiku mit-Tempju tas-Serp tar-Rix u mill-istruttura tal-palazz ta' madwaru għall-Kumpless tat-Triq tal-Mejtin għall-ħabta tal-250 W.K. u t-350 W.K. Xi awturi jemmnu li dan jirrappreżenta tranżizzjoni minn sistema politika ċċentralizzata u monarkika għal waħda iktar deċentralizzata u burokratika. Għall-ħabta tat-300 W.K., it-Tempju tas-Serp bir-Rix ġie skonsagrat u l-kostruzzjoni fil-belt kompliet b'mod iktar egalitarju, b'enfasi fuq il-kostruzzjoni ta' akkomodazzjonijiet komdi tal-ġebel għall-popolazzjoni.
Il-Period III dam mit-350 sas-650 W.K. u huwa magħruf bħala l-perjodu Klassiku ta' Teotihuacan. Matulu l-belt laħqet l-apoġew tal-influwenza tagħha fil-Mesoamerka. Huwa stmat li l-popolazzjoni tagħha kienet tlaħħaq minimu ta' 125,000 abitant, u l-belt kienet fost l-ikbar bliet fid-dinja tal-qedem, b'2,000 binja f'erja ta' 18-il kilometru kwadru. F'dan il-perjodu wkoll, Teotihuacan kien fiha bejn wieħed u ieħor nofs in-nies kollha tal-Wied tal-Messiku, u b'hekk saret qisha belt ewlenija tal-Mesoamerka. F'dan il-perjodu kien hemm il-kostruzzjoni mill-ġdid ta' diversi binjiet, fosthom it-Tempju tas-Serp tar-Rix, li jmur lura għall-perjodu preċedenti, u li tgħatta bi pjattaforma mżejna bi skulturi rikki. L-artefatti artistiċi tipiċi ta' dan il-perjodu huma l-maskri funebri, magħmula minn ħaġar aħdar u miksija bil-mużajk tal-ossidjana, tal-qxur tal-baħar jew tal-tal-ġada. Dawn il-maskri kienu tassew uniformi fin-natura tagħhom.
Il-Perjodu IV jiddeskrivi l-perjodu bejn is-650 u s-750 W.K. Jimmarka l-waqgħa ta' Teotihuacan bħala setgħa ewlenija fil-Mesoamerka. Il-kumplessi residenzjali tal-elit tal-belt, raggruppati madwar it-Triq tal-Mejtin, fihom bosta maskri tal-ħruq, u l-arkeologi ħarġu bl-ipoteżi li l-belt esperjenzat diffikultajiet ċivili li għaġlu d-deklin tagħha. Fost il-fatturi li wasslu wkoll għad-deklin tal-belt kien hemm ukoll it-tfixkil fir-relazzjonijiet tributarji, iż-żieda ta' stratifikazzjoni soċjali, u t-taqbidiet għall-poter bejn l-elit fit-tmexxija u l-elit intermedjarju. Wara dan id-deklin, Teotihuacan baqgħet abitata, iżda qatt ma reġgħet laħqet il-livelli preċedenti bħala popolazzjoni.
L-istorja bikrija ta' Teotihuacan hija pjuttost misterjuża, u l-oriġini tal-fundaturi tagħha hija pjuttost inċerta. Għall-ħabta tat-300 Q.K., il-popli tal-inħawi ċentrali u tax-Xlokk tal-Mesoamerka bdew jinġabru f'insedjamenti ikbar. Teotihuacan kienet l-ikbar ċentru urban tal-Mesoamerka qabel il-wasla tal-Azteki, kważi 1,000 sena qabel il-perjodu tagħhom. Il-belt diġà kienet tinstab fi stat ta' fdalijiet sal-wasla tal-Azteki. Għal bosta snin, l-arkeologi kienu jemmnu li nbniet mit-Tolteki. Dan it-twemmin kien ibbażat fuq testi tal-perjodu kolonjali, bħall-Kodiċi Fjorentin, li kien jattribwixxi s-sit lit-Tolteki. Madankollu, it-terminu bin-Nahuatl "Tolteki" ġeneralment ifisser "artiġjan tal-ogħla livell" u mhux dejjem jaf jirreferi għaċ-ċivilizzazzjoni tat-Tolteki ċċentrata f'Tula, Hidalgo. Peress li ċ-ċivilizzazzjoni tat-Tolteki ffjorixxiet sekli wara Teotihuacan, it-Tolteki ma setgħux ikunu l-fundaturi tal-belt.
Fil-Perjodu Formattiv Aħħari, għadd ta' ċentri urbani feġġew fil-Messiku ċentrali. L-iżjed prominenti minnhom milli jidher kienet Cuicuilco, fuq ix-xatt tan-Nofsinhar tal-Lag ta' Texcoco. L-istudjużi spekulaw li l-iżbroffar tal-vulkan ta' Xitle jaf wassal għal emigrazzjoni tal-massa 'l barra mill-wied ċentrali u fil-Wied ta' Teotihuacan. Dawn l-insedjaturi jaf stabbilew jew aċċelleraw it-tkabbir ta' Teotihuacan.
Studjużi oħra sostnew li l-poplu tat-Totonaki kienu l-fundaturi ta' Teotihuacan u ssuġġerew li Teotihuacan kien stat multietniku peress li nstabu aspetti kulturali varjati marbuta mal-popli Zapoteki, Miksteki, u Maja. Il-bennejja ta' Teotihuacan ħadu vantaġġ mill-ġeografija fil-Baċir tal-Messiku. Mill-art bassasa, huma bnew pjattaformi olzati msejħa chinampas, u b'hekk ħolqu produttività agrikola għolja minkejja l-metodi antiki tal-kultivazzjoni. Dan ippermetta l-formazzjoni ta' kanali, u sussegwentement it-traffiku tal-kenura, għat-trasport tal-ikel mill-irziezet madwar il-belt. L-iżjed binjiet bikrin f'Teotihuacan imorru lura għall-ħabta tal-200 Q.K. L-ikbar piramida, il-Piramida tax-Xemx, tlestiet sal-100 W.K.
Xi ħaġa li tispikka hi n-nuqqas ta' evidenza ta' xi re jew mexxej awtoritarju ieħor f'Teotihuacan. Bliet kontemporanji fl-istess reġjun, inkluż tal-Maja u taz-Zapoteki, kif ukoll taċ-ċivilizzazzjoni iktar bikrija tal-Olmeki, kellhom bosta attestazzjonijiet ta' sovranità awtoritarja dinastika, fosthom palazzi rjali, spazji tal-logħba ċerimonjali tal-ballun, u tpinġijiet ta' gwerer, konkwisti u priġunieri umiljati. Madankollu, l-ebda minn dan ma nstab f'Teotihuacan. Bosta studjużi għaldaqstant ikkonkludew li Teotihuacan kienet immexxija minn xi tip ta' "governanza kollettiva".
F'Jannar 378, il-ġellied Sihyaj K'ahk' (litterlament, "imwieled min-nar"), muri b'artefatti u xbihat ta' serp tar-rix assoċjati mal-kultura ta' Teotihuacan, ħakem lil Tikal, 600 mil 'il bogħod minn Teotihuacan, u neħħa u ssostitwixxa r-re tal-Maja, bl-appoġġ ta' El Peru u Naachtun, kif irreġistrat fl-Istele 31 f'Tikal u f'monumenti oħra fir-reġjun tal-Maja. F'dak iż-żmien, il-mexxej magħruf bħala l-Kokka li Twaddab il-Lanez kien assoċjat ukoll mal-kultura ta' Teotihuacan.
Fit-378 grupp ta' ċittadini ta' Teotihuacan organizzaw kolp ta' stat f'Tikal, il-Gwatemala. Dan ma kienx jirrappreżenta lill-istat ta' Teotihuacan; kien grupp ta' nies tat-Tempju tas-Serp tar-Rix li tkeċċew mill-belt. Il-Piramida tas-Serp tar-Rix ingħatat in-nar, l-iskulturi kollha tneħħew mit-tempju, u nbniet pjattaforma oħra biex tgħatti l-faċċata tat-tempju ...
Fl-426, id-dinastija li rrenjat f'Copán inħolqot b'K'inich Yax K'uk' Mo' bħala l-ewwel re. Id-dinastija kellha sittax-il mexxej b'kollox. Copán illum il-ġurnata tinsab fil-Ħonduras, kif deskritt ukoll fl-Artal Q ta' Copán. Minn hemm 'il quddiem, Yax K'uk' Mo' ħatar lil Tok Casper bħala r-re ta' Quiriguá, il-Gwatemala, madwar 50 kilometru fit-Tramuntana ta' Copán.
Il-belt laħqet il-quċċata tagħha fl-450 W.K. meta kienet iċ-ċentru ta' kultura setgħana li kellha influwenza estiża tul ir-reġjun Mesoamerikan kważi kollu. Matul dak iż-żmien, il-belt kellha erja ta' iktar minn 30 km2 (iktar minn 11.5 mil kwadru), u x'aktarx kellha popolazzjoni ta' madwar 150,000 ruħ, b'sors saħansitra jsostni li kellha sa 250,000 ruħ. Diversi distretti fil-belt kienu jospitaw nies mir-reġjun ta' influwenza kollu ta' Teotihuacan, saħansitra min-Nofsinhar sa Gwatemala. Xi ħaġa oħra li tispikka fil-belt hija n-nuqqas ta' fortifikazzjonijiet u strutturi militari.
In-natura tal-interazzjonijiet politiċi u kulturali bejn Teotihuacan u ċ-ċentri tar-reġjun tal-Maja (kif ukoll fil-kumplament tal-Mesoamerka) ilha dibattitu miftuħ u sinifikanti. Saru skambji u interazzjonijiet sostanzjali matul is-sekli mill-perjodu Preklassiku Aħħari sal-Klassiku Nofsani. "Idealoġiji ispirati minn Teotihuacan" kif ukoll motivi ppersistew fiċ-ċentri tal-Maja sal-perjodu Klassiku Aħħari, ferm wara li Teotihuacan stess kienet qabdet it-triq tan-niżla. Madankollu, l-istudjużi jiddibattu l-kobor u l-livell tal-influwenza ta' Teotihuacan. Uħud jemmnu li kellha dominanza diretta u militari, filwaqt li oħrajn huma tal-fehma li l-adozzjoni ta' tratti "barranin" kienet parti minn diffużjoni kulturali bidirezzjonali, konxja u selettiva. Skoperti ġodda ssuġġerew li Teotihuacan ma kinitx wisq differenti fl-interazzjonijiet tagħha ma' ċentri oħra mill-imperi li ġew wara, bħat-Tolteki u l-Azteki. Jingħad li Teotihuacan kellha influwenza kbira fuq il-perjodu Pre-Klassiku u Klassiku tal-Maja.
L-istil arkitettoniċi prominenti f'Teotihuacan jinsabu mifruxa b'mod wiesgħa f'għadd ta' siti Mesoamerikani 'l bogħod. Xi riċerkaturi interpretaw dan bħala evidenza għall-interazzjonijiet u għad-dominanza politika jew militari. Stil partikolarment assoċjat ma' Teotihuacan huwa magħruf bħala talud-tablero, fejn fuq naħa esterna li xxaqleb 'il ġewwa ta' struttura (talud) is ikun hemm panew rettangolari (tablero). Varjanti ta' dan l-istil ġeneriku jinstabu f'għadd ta' siti tar-reġjun tal-Maja, inkluż Tikal, Kaminaljuyu, Copan, Becan u Oxkintok, u partikolarment fil-Baċir ta' Petén u l-artijiet għoljin ċentrali tal-Gwatemala. L-istil talud-tablero kien intuża qabel Teotihuacan fil-perjodu Klassiku Bikri; milli jidher oriġina fir-reġjun ta' Tlaxcala-Puebla matul il-perjodu Pre-Klassiku. Xi analiżijiet intraċċaw l-iżvilupp f'varjanti lokali tal-istil talud-tablero f'siti bħal Tikal, fejn l-użu tiegħu jippreċedi l-motivi ikonografiċi li ntużaw fir-seklu 5 f'Teotihuacan. L-istil talud-tablero nfirex fil-Mesoamerka ġeneralment mill-aħħar tal-perjodu Pre-Klassiku, u mhux speċifikament jew unikament, permezz tal-influwenza ta' Teotihuacan. Mhux ċar kif jew minn fejn infirex l-istil għall-kumplament tar-reġjun tal-Maja. Meta l-belt kienet fil-quċċata tagħha, l-istrutturi prinċipali ta' Teotihuacan, inkluż il-piramidi, kienu mpittrin bi sfumaturi impressjonanti ta' aħmar skur. Għad fadal ftit fdalijiet ta' dan it-tpittir 'l hemm u 'l hawn fis-sit sa llum il-ġurnata.
Il-belt kienet ċentru industrijali, u kienet tospita bosta produtturi tal-bċejjeċ tal-fuħħar, ġojjelliera u artiġjani. Teotihuacan hija magħrufa għall-produzzjoni ta' għadd kbir ta' artefatti tal-ossidjana. Ma jeżisti l-ebda test mhux ideografiku ta' Teotihuacan (jew magħruf li xi darba eżista). Iskrizzjonijiet mill-bliet tal-Maja juru li n-nobbiltà ta' Teotihuacan ivvjaġġaw u x'aktarx anke ħakmu artijiet 'il bogħod b'mexxejja lokali, saħansitra sal-Ħonduras. Fl-iskrizzjonijiet tal-Maja jissemma individwu li l-istudjużi jirreferu għalih bħala "Kokka li Twaddab il-Lanez", x'aktarx mexxej ta' Teotihuacan, li rrenja għal iktar minn 60 sena u ħatar lill-qrabatu bħala l-mexxejja ta' Tikal u ta' Uaxactun fil-Gwatemala.
L-istudjużi bbażaw l-interpretazzjonijiet tal-kultura ta' Teotihuacan fuq l-arkeoloġija, l-affreski li jżejnu s-sit (u oħrajn, bħall-Affreski ta' Wagner, li jinsabu f'kollezzjonijiet privati), u iskrizzjonijiet ġeroglifiċi magħmula mill-Maja li jiddeskrivu meta ltaqgħy mal-konkwistaturi ta' Teotihuacan. Il-ħolqien tal-affreski, x'aktarx għexieren ta' eluf ta' affreski, laħaq il-quċċata tiegħu bejn l-450 u s-650. Is-sengħa tal-pitturi ma għandiex rivali fil-Mesoamerka u tqabblet saħansitra ma' dik tal-pitturi Rinaxximentali ta' Firenze, l-Italja.
Oriġinarjament l-istudjużi ħasbu li xi invażuri attakkaw il-belt fis-seklu 7 jew 8, u serqulha r-rikkezzi kollha u mbagħad tawha n-nar. Madankollu, evidenza iktar reċenti milli jidher tindika li l-ħruq kien limitat għall-istrutturi u l-abitazzjonijiet assoċjati primarjament mal-klassi mexxejja. Uħud jaħsbu li dan jissuġġerixxi li l-ħruq kien frott xi rewwixta interna u li t-teorija tal-invażjoni hija difettuża minħabba li l-isforzi arkeoloġiċi bikrin kienu ffukati b'mod esklużiv fuq il-palazzi u t-tempji, li kienu postijiet li ntużaw mill-klassijiet għoljin. Peress li dawn is-siti kollha kellhom sinjali ta' ħruq, l-arkeologi kkonkludew li l-belt kollha kienet ingħatat in-nar. Minflok, issa huwa magħruf li l-qerda kienet iċċentrata fuq l-istrutturi ċiviċi ewlenin tul it-Triq tal-Mejtin. L-iskulturi fuq ġewwa fil-palazzi, bħal Xalla, tkissru matul din il-qerda. Ma hemm l-ebda traċċa viżibbli ta' invażjoni barranija fis-sit.
L-evidenza tad-deklin fil-popolazzjoni li beda għall-ħabta tas-seklu 6 toffri appoġġ għall-ipoteżi tar-rewwixta interna. Id-deklin ta' Teotihuacan ġie marbut fl-istess ħin ma' perjodi twal ta' nixfa b'rabta mat-tibdil fil-klima tal-535-536, li x'aktarx ġew ikkawżati mill-iżbroffar tal-vulkan Ilopango f'El Salvador. Din it-teorija ta' deklin ekoloġiku hija appoġġata mill-fdalijiet arkeoloġiċi li juru żieda fil-persentaġġ ta' skeletri ta' tfal u ta' żgħażagħ b'evidenza ta' malnutrizzjoni matul is-seklu 6, li jkomplu jappoġġaw ukoll l-ipoteżi tal-ġuħ minħabba l-iskarsezza tal-ikel bħala waħda mir-raġunijiet plawżibbli tad-dekliun ta' Teotihuacan. Iċ-ċittadini urbanizzati ta' Teotihuacan x'aktarx li kienu dipendenti fuq l-għelejjel agrikoli bħall-qamħirrum, il-fażola, l-amaranth, it-tomatillos, u l-qargħa aħmar. Jekk it-tibdil fil-klima affettwa r-rendimenti tal-għelejjel, il-ħsad imbagħad ma kienx ikun biżżejjed biex jitma l-popolazzjoni estensiva ta' Teotihucan. Madankollu, iż-żewġ ipoteżi prinċipali ma jeskludux lil xulxin. In-nixfa li mbagħad wasslet għall-ġuħ setgħet wasslet ukoll għal invażjonijiet minn ċivilizzazzjonijiet iżgħar tal-madwar kif ukoll għal rewwixti interni.
Fl-istess żmien tal-waqgħa ta' Teotihuacan fejn ma baqgħetx daqshekk prominenti lokalment, ċentri oħra fil-qrib, bħal Cholula, Xochicalco u Cacaxtla, ikkompetew biex jieħdu postha. Saħansitra jaf allinjaw ruħhom kontra Teotihuacan biex jaħtfu l-opportunità u jkomplu jnaqqsu l-influwenza u s-setgħa tal-belt antika. L-arti u l-arkitettura f'dawn is-siti jemulaw l-għamliet ta' Teotihuacan iżda juru wkoll taħlita eklettika ta' motivi u ta' ikonografija minn inħawi oħra tal-Mesoamerka, b'mod partikolari r-reġjun tal-Maja.
Il-qerda ħesrem ta' Teotihuacan kienet xi ħaġa komuni għall-bliet-stati Mesoamerikani tal-perjodi Klassiċi u Epi-Klassiċi. Bosta stati tal-Maja kellhom l-istess destin fis-sekli ta' wara u dawn l-avvenimenti spiss jiġu rreferiti bħala l-waqgħa tal-Maja tal-perjodu Klassiku. Fil-qrib, fil-wied ta' Morelos, ir-rikkezzi ta' Xochicalco nsterqu u l-belt ingħatat in-nar fid-900, filwaqt li Tula kellha destin simili għall-ħabta tal-1150.
Matul l-1200, il-migranti Nahuatl reġgħu ppopolaw l-inħawi tal-belt. Sas-seklu 14, il-belt spiċċat f'idejn Huexotla, u fl-1409 ġiet assenjata t-tlatoani tagħha, Huetzin, li kien iben it-tlatoani ta' Huexotla. Iżda r-renju tiegħu spiċċa ħesrem meta Tezozomoc, it-tlatoani ta' Azcapotzalco, invada Huexotla u l-artijiet tal-madwar ta' Acolhua fl-1418. Huetzin tilef kontra l-invażuri, u minfloku Tezozomoc ħatar raġel imsejjaħ Totomochtzin. Inqas minn deċennju wara, fl-1427, ifforma l-Imperu tal-Azteki, u Teotihuacan saret vassall għal darb'oħra taħt l-Acolhua.
Il-Belt Pre-Ispanika ta' Teotihuacan ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' ħames kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".
L-evidenza arkeoloġika tissuġġerixxi li Teotihuacan kienet belt multietnika, u filwaqt li l-lingwa jew il-lingwi predominanti li kienu jintużaw f'Teotihuacan intilfu matul l-istorja, it-Totonac u n-Nahuatl, li kienu forom bikrin ta' lingwi mitkellma mill-Azteki, jidher li kienu pjuttost plawżibbli. Din il-popolazzjoni ta' Teotihuacan pjuttost varjata reġjonalment x'aktarx li tmur lura għal diżastru naturali li seħħ qabel iż-żieda kbira fil-popolazzjoni. F'mument fl-istorja, Teotihuacan kellha rivali setgħana oħra li kienet Cuicuilco. Iż-żewġ bliet, li bejn wieħed u ieħor kellhom l-istess daqs u li t-tnejn kienu ċentri kummerċjali, kienu ċentri produttivi tal-artiġjanat u tal-kummerċ. Madankollu, għall-ħabta tal-100 Q.K., id-dinamika tal-poter inbidlet meta meta żbroffa l-vulkan attiv Xitle u kellu impatt kbir fuq Cuicuilco u r-raba' agrikolu tal-belt. Huwa maħsub li t-tkabbir esponenzjali iktar 'il quddiem tal-popolazzjoni ta' Teotihuacan kien dovut għall-migrazzjoni sussegwenti ta' dawk li kellhom jiċċaqilqu minħabba l-iżbroffar. Filwaqt li dan l-iżbroffar huwa maħsub li kien il-kawża primarja tal-eżodu tal-massa, l-avvanzi reċenti fid-datazzjoni xeħtu dawl fuq żbroffar li kien seħħ qabel. L-iżbroffar tal-vulkan Popocatepetl f'nofs is-seklu 1 ippreċeda l-iżbroffar tal-vulkan Xitle, u huwa maħsub li beda d-degradazzjoni msemmija qabel tar-raba' agrikolu u kkawża l-ħsara strutturali tal-belt. L-iżbroffar ta' Xitle kompla jistiga l-abbandun ta' Cuicuilco.
Fil-fażi ta' Tzacualli (għall-ħabta tal-1-150 W.K.), Teotihuacan esperjenzat tkabbir tal-popolazzjoni għal bejn wieħed u ieħor 60,000 sa 80,000 ruħ, u huwa maħsub li l-biċċa l-kbira minnhom ġew mill-baċir Messikan. Madankollu, wara t-tkabbir, l-influss ta' residenti ġodda batta, u l-evidenza tissuġġerixxi li sal-fażi ta' Miccaotli, għall-ħabta tal-200 W.K., il-popolazzjoni urbana kienet laħqet livell massimu.
Fl-2001, Terrence Kaufman ippreżenta evidenza lingwistika li tissuġġerixxi li grupp etniku importanti f'Teotihuacan kellu affiljazzjoni lingwistika mat-Totonacan jew Mixe–Zoquean. Huwa juża din l-evidenza biex jispjega l-influwenzi ġenerali minn lingwi bħat-Totonacan u l-Mixe–Zoquean f'bosta lingwi Mesoamerikani oħra, minkejja li ma kien hemm l-ebda storja ddokumentata ta' kuntatt ma' dawn il-gruppi lingwistiċi. Studjużi oħra jsostnu li l-ikbar grupp tal-popolazzjoni x'aktar li kellu etniċità Otomi, peress li huwa magħruf li l-lingwa Otomi kienet mitkellma fl-inħawi madwar Teotihuacan kemm qabel u wara l-perjodu Klassiku iżda mhux matul il-perjodu nofsani.
Il-kumplessi ta' Teotihuacan juru evidenza ta' segregazzjoni fi tliet klassijiet: l-elit, il-klassi intermedja, u l-klassi tal-ħaddiema. L-istrutturi arkitettoniċi residenzjali milli jidher saru b'livelli differenti ta' arti u ta' kumplessità. Abbażi tal-kwalità tal-materjali tal-kostruzzjoni u d-daqs tal-kompartimenti tal-istrutturi, kif ukoll il-kwalità tad-diversi oġġetti fir-residenzi, l-abitazzjonijiet li jirradjaw 'il barra mid-distrett ċentrali u tul it-Triq tal-Mejtin jaf kienu okkupati minn individwi bi status għoli. Madankollu, b'mod kumplessiv ma jidhirx li Teotihuacan kienet organizzata f'żoni diskreti ta' distretti. L-iżjed kumplessi tal-elit sikwit kienu mżejna b'affreski elaborati. Fost l-elementi tematiċi ta' dawn l-affreski hemm purċissjonijiet ta' patrijiet lebsin ilbies lussuż, figuri ta' ġagwari, id-divinità tal-maltemp, u divinità anonima b'idejha 'l fuq toffri d-doni ta' qamħirrum, ħaġar prezzjuż u ilma. Xi ħaġa notevoli hi li x-xbihat ta' mexxejja mhumiex preżenti fl-arti ta' Teotihuacan. Minflok, ix-xogħlijiet tal-arti għandhom it-tendenza li juru karigi u divinitajiet istituzzjonalizzati. Mhux preżenti wkoll fl-arti ta' Teotihuacan hija l-kitba, minkejja li l-belt kellha network qawwi ta' kuntatt mal-Maja litterati.
Il-klassijiet tal-ħaddiema, minnhom infushom stratifikati, kienu jikkonsistu minn bdiewa, artiġjani b'bosta ħiliet, u popolazzjoni rurali fil-periferija. L-artiġjani li kienu jgħixu fil-belt kellhom diversi speċjalitajiet u kienu joqogħdu f'kumplessi ta' appartamenti madwar il-belt, magħrufa bħala ċentri distrettwali, u l-evidenza turina li dawn iċ-ċentri kienu l-muturi ekonomiċi u kulturali ta' Teotihuacan. Stabbiliti mill-elit sabiex juru l-oġġetti lussużi pprovduti mill-artiġjani residenti, iċ-ċentri distrettwali kienu jirrappreżentaw id-diversità fl-oġġetti u kienu megħjuna mill-konċentrazzjoni kbira ta' immigranti minn reġjuni differenti tal-Mesoamerka. Flimkien mal-evidenza arkeoloġika li tindika li wħud mill-oġġetti primarji li kien isir kummerċ fihom kienu t-tessuti, l-artiġjani kkapitalizzaw fuq il-ħiliet tagħhom fil-pittura, fil-bini, fid-daqq tal-mużika u fit-taħriġ militari. Dawn iċ-ċentri distrettwali kienu qishom kumplessi individwali, spiss imdawra b'ħitan li kienu jisseparawhom fiżikament mill-oħrajn.
B'dan il-mod, Teotihuacan żviluppat kompetizzjoni ekonomika interna li xprunat il-produttività u għenet biex tinħoloq struttura soċjali partikolari li kienet differenti mill-istruttura tal-belt inġenerali. L-azzjonijiet ripetuti tal-artiġjana ħallew il-marka fiżika tagħhom. Abbażi tal-kundizzjoni tas-snien li nstabu, l-arkeologi rnexxielhom jiddeterminaw li, meta kienu ħajjin, xi katavri li nstabu kienu jaħdmu bil-fibri mas-snien ta' quddiem tagħhom, u insinwaw li x'aktarx kienu produtturi ta' xbieki, bħal dawk li jidhru fl-arti mal-ħitan. L-iskeletri femminili pprovdew evidenza li x'aktarx kienu jaħdmu fil-ħjata jew fil-pittura għal perjodi twal ta' żmien, u dan joħroġ fid-dieher anke mix-xedd ir-ras li kienu nħolqu kif ukoll mill-bċejjeċ tal-fuħħar li ġew prodotti u mpittra. It-tkagħbir fuq ġogi speċifiċi jindika li kienu jġorru oġġetti tqal għal perjodu twil ta' żmien. L-evidenza ta' dawn il-materjali tqal tinstab fl-ammont kbar ta' bċejjeċ tal-fuħħar importati, u fil-materja prima fis-sit, bħal biċċiet tal-ħġieġ rijolitiku, tal-irħam u tal-lavanja. Ir-residenzi tal-popolazzjoni rurali tal-belt kienu jinsabu miġbura flimkien bejn ir-residenzi tal-klassi medja jew fil-periferija tal-belt, filwaqt li mill-bċejjeċ tal-fuħħar li nstabu minn reġjuni oħra f'raggruppamenti iżgħar, donnhom jissuġġerixxu li l-merkanti kellhom ir-raggruppamenti residenzjali tagħhom ukoll.
F'An Illustrated Dictionary of the Gods and Symbols of Ancient Mexico and the Maya, Miller u Taube jelenkaw tmien divinitajiet:
Esther Pasztory iżid divinità oħra:
Il-konsensus fost l-istudjużi hu li d-divinità primarja ta' Teotihuacan kienet l-alla femminili l-kbira ta' Teotihuacan. L-arkitettura ċivika dominanti hija l-piramida. Il-politika kienet ibbażata fuq ir-reliġjon statali, u l-mexxejja politiċi kienu l-mexxejja reliġjużi. Il-mexxejja reliġjużi kienu jikkummissjonaw lill-artisti biex joħolqu xogħlijiet tal-arti reliġjużi għaċ-ċerimonji u għar-ritwali. X'aktarx li x-xogħlijiet tal-arti li kienu jiġu kkummissjonati kienu jkunu affreski jew inċensaturi bix-xbihat tad-divinitajiet bħall-alla femminili l-kbira ta' Teotihuacan jew is-serp bir-rix. L-inċensaturi kienu jiġu mixgħula matul ir-ritwali reliġjużi sabiex jinvokaw l-allat, inkluż f'ritwali b'sagrifiċċji umani.
Kif joħroġ fid-dieher mill-fdalijiet umani u tal-annimali li nstabu matul l-iskavi tal-piramidi fil-belt, f'Teotihuacan kienu jiġu ssagrifikati l-bnedmin. L-istudjużi jemmnu li n-nies kienu joffru sagrifiċċji umani bħala parti minn dedika meta l-binjiet kienu jiġu mkabbra jew jinbnew. Il-vittmi x'aktarx li kienu jkunu ġellieda għedewwa tal-battalji u kienu jinġabu fil-belt għas-sagrifiċċji umani sabiex jiġi żgurat li l-belt ikollha l-prosperità. Xi rġiel qatgħulhom rashom, uħud qalawlhom qalbhom minn postha, uħud inqatlu b'diversi daqqiet fuq rashom, u oħrajn indifnu ħajjin. L-annimali li kienu meqjusa sagri u kienu jirrappreżentaw is-setgħat mitiċi, filwaqt li l-militar indifnu wkoll ħajjin jew inqabdu u ntefgħu f'gaġeġ bħall-cougars, il-lupu, l-ajkli, il-falkuni, il-kokki, u saħansitra s-sriep velenużi.
Bosta maskri tal-ġebel instabu f'Teotihuacan, u ġeneralment ġie maħsub li kienu ntużaw matul kuntest funebri. Madankollu, studjużi oħra għandhom id-dubji tagħhom dwar dan, u jinnutaw li l-maskri "ma jidhrux li ġejjin minn xi difniet".
Teotihuacan kellha waħda mill-ikbar jekk mhux l-ikbar popolazzjoni fost il-bliet insedjati fil-Baċir tal-Messiku. Teotihuacan kienet belt preistorika kbira li esperjenzat tkabbir enormi fil-popolazzjoni u dan it-tkabbir baqa' sostnut matul il-biċċa l-kbira tal-insedjament tal-belt. Fil-100 W.K., il-popolazzjoni x'aktarx li kienet tlaħħaq madwar 60,000-80,000 ruħ, wara 200 sena li l-belt kienet insedjata, f'erja ta' 20 km2. Il-popolazzjoni, eventwalment, stabilizzat ruħha madwar il-100,000 ruħ għall-ħabta tat-300 W.K.
Il-popolazzjoni laħqet il-quċċata tagħha għall-ħabta tal-400 sal-500 W.K. Matul dan il-perjodu, magħruf bħala l-perjodu ta' Xolalpan, il-popolazzjoni tal-belt x'aktarx li kienet bejn 100,000 u 200,000 ruħ. Dawn iċ-ċifri nkisbu billi ġew stmati d-daqsijiet tal-2,000 kumpless, li x'aktarx li kienu jesgħu bejn 60 u 100 ruħ kull wieħed. Dan l-għadd għoli baqa' stabbli sa meta l-belt qabdet it-triq tad-deklin tagħha bejn is-600 u s-700 W.K.
Wieħed mid-distretti ta' Teotihuacan, Teopancazco, kien insedjat matul il-biċċa l-kbira taż-żmien meta Teotihuacan kienet insedjata wkoll. Dan juri li Teotihuacan kienet belt multietnika li kienet maqsuma f'żoni b'etniċitajiet ta' ħaddiema differenti. Dan id-distrett kien importanti għal żewġ raġunijiet: ir-rata għolja ta' mortalità tat-trabi u r-rwol tal-etniċitajiet differenti. Ir-rata għolja ta' mortalità tat-trabi kienet importanti fi ħdan id-distrett u fil-belt inġenerali, u nstabu għadd kbir ta' skeletri perinatali f'Teopancazco. Dan jissuġġerixxi li l-popolazzjoni ta' Teotihuacan kienet sostnuta u kibret bis-saħħa tal-influss ta' nies li ġew jgħixu fil-belt, iktar milli permezz tar-riproduzzjoni tal-istess popolazzjoni. L-influss ta' nies ġie mill-inħawi tal-madwar, u b'hekk kien hemm etniċitajiet differenti fil-belt.
Teotihuacan kellha wkoll żewġ distretti oħra li b'mod prominenti kellha din il-bixra multietnika. Iż-żewġ distretti kien fihom mhux biss arkitettura differenti minn partijiet oħra ta' Teotihuacan iżda wkoll artefatti u prattiċi funebri li taw bidu għan-narrativa ta' dawn il-postijiet. L-arkeologi wettqu wkoll ittestjar tal-proporzjon ta' isotopi tal-ossiġenu u ta' isotopi tal-istronzju sabiex jiddeterminaw permezz tal-għadam u tas-snien li nstabu, jekk dawn kinux tan-nattivi ta' Teotihuacan jew kinux ta' immigranti li ġew jgħixu fil-belt. L-ittestjar tal-proporzjon ta' ossiġenu jista' jintuża sabiex jiġi ddeterminat fejn trabba dak li jkun u fejn kien jgħix meta miet. Dawn it-testijiet żvelaw ħafna informazzjoni, iżda b'mod speċifiku ppermettew li ssir distinzjoni ċara bejn in-nies li kienu jgħixu fid-distretti etniċi u dawk nattivi ta' Teotihuacan.
Distrett partikolari kien jissejjaħ Tlailotlacan u huwa maħsub li kien distrett ta' migranti li b'mod predominanti ġew mir-reġjun ta' Oaxaca. L-iskavi hemmhekk żvelaw artefatti bl-istil mir-reġjun ta' Zapoteco, inkluż qabar b'antikamra. L-ittestjar tal-proporzjon ta' isotopi tal-ossiġenu kien partikolarment siewi fl-analiżi ta' dan id-distrett għaliex ta stampa ċara tal-influss inizjali minn Oaxaca, segwit minn vjaġġi ta' rutina lura lejn art twelidhom sabiex il-kulturali u l-patrimonju tagħhom inżamm għal bosta ġenerazzjonijiet li ġew wara. L-ittestjar tal-proporzjon ta' isotopi tal-ossiġenu li sar wara żvela wkoll li mill-iskeletri li ġew ittestjati, 80 % minnhom kienu immigranti li ġew jgħixu fil-belt jew li twieldu fil-belt, iżda li qattgħu tfulithom f'art twelidhom qabel ma reġgħu lura f'Teotihuacan. Kien hemm evidenza ta' interazzjoni kostanti bejn Teotihuacan u r-reġjun ta' Oaxaca permezz ta' vjaġġi li kienu jagħmlu t-tfal u l-ommijiet, u b'hekk il-kultura ta' art twelidhom u l-għeruq tagħhom baqgħu ħajjin.
Distrett prinċipali ieħor kien jissejjaħ Barrio de Los Comerciantes, jew id-Distrett tal-Merkanti. Hemm inqas informazzjoni dwar min kien jgħix f'dan id-distrett (jew inkella hija meħtieġa iktar riċerka), iżda dan id-distrett kellu wkoll differenzi ċari meta mqabbel ma' nħawi oħra tal-belt. L-arkitettura kienet differenti, u kellha strutturi tondi magħmula bit-tajn, kif ukoll bċejjeċ tal-fuħħar u artefatti barranin li ġew identifikati li jappartjenu għar-reġjun tal-Kosta tal-Golf. Dan id-distrett, b'mod simili għal Tlailotclan, kellu influss enormi ta' immigranti, skont l-eżitu tal-ittestjar tal-proporzjon ta' isotopi tal-istronzju fuq l-għadam u s-snien, u n-nies x'aktarx li qattgħu parti sinifikanti minn ħajjithom f'Teotihuacan qabel mietu.
Fid-distrett ta' La Ventilla kien hemm sejba kbir ta' iktar minn 30 sinjal u raggruppamenti ta' sinjali mal-art ta' terrazzin. Il-biċċa l-kbira tas-sejbiet f'Teotihuacan jissuġġerixxu li l-abitanti kellhom l-istil ta' kitba tagħhom. Dawn is-sinjali saru "malajr u juru l-kontroll". B'hekk huwa maħsub li jagħtu l-idea li ġew ipprattikati u kienu adegwati għall-ħtiġijiet tas-soċjetà ta' dak iż-żmien. Soċjetajiet oħra madwar Teotihuacan adottaw uħud mis-sinjali jew mis-simboli li kienu jintużaw fil-belt. L-abitanti tagħhom qajla użaw xi tip ieħor ta' simboli jew arti mis-soċjetajiet l-oħra ta' madwar il-belt. Dawn is-sistemi ta' kitba ma kinux bħal dawk tal-ġirien, iżda l-istess kitbiet juru li x'aktarx kienu konxji li kienu jeżistu kitbiet oħra.
L-ipproċessar tal-ossidjana kien l-iżjed arti żviluppata u s-sors ewlieni ta' ġid f'Teotihuacan. Il-laboratorji pproduċew diversi tipi ta' għodod jew ta' oġġetti tal-ossidjana, maħsuba għal tranżazzjonijiet kummerċjali lil hinn mill-konfini ġeografiċi tal-belt, fosthom figurini, xfafar, ponot, manki tas-skieken, ġojjellerija jew ornamenti, eċċ. L-ossidjana ġiet primarjament mill-minjieri ta' Pachuca (Teotihuacan) u l-ipproċessar tal-ossidjana kien l-iżjed industrija importanti fil-belt, li kienet kisbet il-monopolju fil-kummerċ tal-ossidjana fir-reġjun Mesoamerikan usa'. L-istat wettaq ukoll monitoraġġ massiċċ tal-kummerċ, tat-trasport jew taċ-ċaqliq u tal-ħolqien tal-għodod tal-ossidjana, peress li kienet industrija tassew importanti fil-belt u kienet limitata fil-postijiet ta' ħidma reġjonali fejn kienu jiġu prodotti l-għodod.