Tian Shan, magħrufa wkoll bħala Tengri Tagh jew Tengir-Too, (bit-Tork Antik: 𐰴𐰣 𐱅𐰭𐰼𐰃, bl-Uighur: تەڭرىتاغ, biċ-Ċiniż: 天山) jiġifieri l-“Muntanji tal-Ġenna”, hija sistema kbira ta’ ktajjen muntanjużi li tinsab fl-Asja Ċentrali. L-ogħla quċċata ta’ Tian Shan hija Jengish Chokusu, b’għoli ta’ 7,439 metru. L-iktar punt baxx tas-sistema hija d-Depressjoni ta’ Turpan, li tinsab 154 metru taħt il-livell tal-baħar.
Waħda mill-iktar referenzi storiċi bikrin għal dawn il-muntanji jaf hija relatata mal-kelma bil-Xiongnu Qilian (biċ-Ċiniż issimplifikat: 祁连; biċ-Ċiniż tradizzjonali: 祁連; bil-Pinyin: Qí lián) – skont il-kummentatur tad-dinastija Tang Yan Shigu, Qilian hija l-kelma bil-Xiongnu għal sema jew ġenna. Sima Qian fir-Rekords tal-Istoriku l-Kbir semma Qilian b’rabta ma’ art twelid il-Yuezhi u t-terminu jingħad li jirreferi għal Tian Shan iktar milli għall-muntanji Qilian li jinsabu 1,500 kilometru iktar fil-Lvant. Il-muntanji Tannu-Ola f’Tuva għandhom l-istess tifsira (“muntanji tal-ġenna/tas-smewwiet” jew “muntanji t’Alla/tal-ispirti”). L-isem biċ-Ċiniż, Tian Shan, x’aktarx li huwa traduzzjoni diretta tal-isem tradizzjonali tal-muntanji bil-Kirgiż, Teñir Too. Fit-Tengriżmu, Tian Shan hija meqjusa bħala sagra, it-tieni l-ogħla quċċata hija magħrufa bħala Khan Tengri li tista’ tiġi tradotta bħala l-“Mulej tal-Ispirti”. Fil-Konferenza tal-2013 dwar il-Wirt Dinji, il-parti tal-Lvant ta’ Tian Shan fir-reġjun tal-Punent taċ-Ċina, Xinjiang, ġiet imniżżla fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO. Il-parti tal-Punent li tinsab fil-Każakistan, fil-Kirgiżistan u fl-Użbekistan ġiet imniżżla fil-lista separatament fl-2016.
Tian Shan tinsab fit-Tramuntana u fil-Punent tad-Deżert Taklamakan u direttament fit-Tramuntana tal-Baċir ta’ Tarim fir-reġjun tal-fruntiera tal-Każakistan, tal-Kirġiżistan u ta’ Xinjiang fil-Majjistral taċ-Ċina. Fin-Nofsinhar hija kkollegata mal-Muntanji Pamir u fit-Tramuntana u fil-Lvant hija kkollegata mal-Muntanji Altai tal-Mongolja.
Fil-kartografija tal-Punent kif innutat mis-Soċjetà tan-National Geographic, il-parti tal-Lvant nett ta’ Tian Shan titqies bħala l-Lvant ta’ Ürümqi, u l-katina muntanjuża fil-Lvant ta’ dik il-belt magħrufa bħala Bogda Shan titqies bħala parti minn Tian Shan. Il-kartografija Ċiniża mid-Dinastija Han sa żminijietna tqis li Tian Shan tinkludi l-ktajjeb muntanjużi Bogda Shan u Barkol.
Tian Shan hija parti mill-ktajjen oroġeniċi tal-Himalaya, li ffurmaw bil-kolliżjoni tal-plakek Indjani u Ewrasjatiċi fl-era Ċenożojka. Tian Shan hija waħda mill-itwal ktajjen muntanjużi fl-Asja Ċentrali u huma estiżi xi 2,900 kilometru fil-Lvant ta’ Tashkent, il-belt kapitali tal-Użbekistan.
L-ogħla quċċata ta’ Tian Shan hija Jengish Chokusu (magħrufa wkoll bħala l-Quċċata tal-Vittorja) fil-fruntiera maċ-Ċina. b’għoli ta’ 7,439 metru, din hija l-ogħla punt fil-Kirgiżistan. It-tieni l-ogħla quċċata ta’ Tian Shan, Khan Tengri (il-Mulej tal-Ispirti), tinsab fiż-żona tal-fruntiera bejn il-Każakistan, il-Kirgiżistan u ċ-Ċina u b’għoli ta’ 7,010 metri hija l-ogħla punt fil-Każakistan. Ix-xabbata tal-muntanji jikklassifikaw dawn iż-żewġ qċaċet bħala l-iżjed żewġ qċaċet ’il fuq minn 7,000 metru fid-dinja.
Il-Mogħdija Muntanjuża ta’ Torugart, f’għoli ta’ 3,752 metru, tinsab fil-fruntiera bejn il-Kirgiżistan u l-Provinċja ta’ Xinjiang, iċ-Ċina. Il-ktajjen muntanjużi msaġġra ta’ Alatau, li jinsab f’altitudni iktar baxxa fil-parti fit-Tramuntana ta’ Tian Shan, huma abitati minn tribujiet ta’ rgħajja li jitkellmu lingwi Torok.
Tian Shan hija sseparata mill-Promontorju Tibetan permezz tad-Deżert Taklimakan u l-Baċir ta’ Tarim fin-Nofsinhar.
Ix-xmajjar maġġuri fi Tian Shan huma s-Syr Darya, ix-xmara Ili u x-xmara Tarim. Il-Kanjon ta’ Aksu huwa karatteristika notevoli fil-Majjistral ta’ Tian Shan.
Tipikament fi Tian Shan ikun hemm permafrost kontinwu minn elevazzjoni ta’ madwar 3,500-3,700 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Permafrost Alpin mhux kontinwu jkun preżenti bejn 2,700-3,300 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar, iżda f’ċerti postijiet, minħabba l-bixra u l-mikroklima ta’ Tian Shan, dan it-tip ta’ permafrost jista’ jinstab f’elevazzjonijiet ta’ saħansitra 2,000 metru biss.
Wieħed mill-ewwel Ewropej li żar Tian Shan u l-ewwel wieħed li ddeskriviha fid-dettall kien l-esploratur Russu Peter Semenov, li għamel dan fis-snin 50 tas-seklu 19.
Il-glaċieri fi Tian Shan ilhom jonqsu u d-daqs tagħhom saħansitra naqas b’27 %, jew 5.4 biljun tunnellata fis-sena, fil-massa tas-silġ tagħhom mill-1961 meta mqabbel ma’ medja ta’ 7 % kif jiġri fil-glaċieri inġenerali madwar id-dinja. Huwa stmat li sal-2050 nofs il-glaċieri li fadal se jkunu dagħbu.
Tian Shan għandha għadd ta’ ktajjen muntanjużi li ngħataw isem u spiss jissemmew separatament (id-distanzi kollha msemmija hawn taħt huma bejn wieħed u ieħor).
Fiċ-Ċina, Tian Shan tibda fit-Tramuntana tal-belt ta’ Kumul (Hami) bil-muntanji Barkol li għandhom għamla tal-ittra U, minn madwar 600 sa 400 kilometru fil-Lvant ta’ Ürümqi. Imbagħad isegwu l-muntanji Bogda Shan minn 350 sa 40 kilometru fil-Lvant ta’ Ürümqi. Wara dawn, hemm żona baxxa bejn Ürümqi u d-Depressjoni ta’ Turfan. Il-muntanji Borohoro jibdew fin-Nofsinhar ta’ Ürümqi u jibqgħu sejrin lejn il-Punent u l-Majjistral għal 450 kilometru fejn jisseparaw id-Dzungaria mill-baċir tax-xmara Ili. In-naħa tat-Tramuntana tagħhom tmiss għal 200 kilometru mal-Alatau ta’ Dzungaria li jibqgħu sejrin fil-Lvant u fil-Grigal tul il-fruntiera bejn iċ-Ċina u l-Każakistan. Dawn jibdew minn 50 kilometru fil-Lvant ta’ Taldykorgan fil-Każakistan u jintemmu fid-Daħla ta’ Dzungaria. L-Alatau ta’ Dzungaria fit-Tramuntana, il-muntanji Borohoro fin-nofs u l-katina muntanjuża ta’ Ketmen fin-Nofsinhar jiffurmaw għamla ta’ qishom l-ittri Z jew S bil-maqlub, fejn il-parti tal-Grigal tikkonfina mal-parti ta’ Dzungaria u l-parti tal-Lbiċ tikkonfina mal-wied superjuri ta’ Ili.
Fil-Kirgiżistan, il-linja prinċipali ta’ Tian Shan tkompli fil-katina muntanjuża ta’ Narat mill-bażi tal-muntanji Borohoro fil-Punent għal 570 kilometru sal-punt fejn iċ-Ċina, il-Każakistan u l-Kirgiżistan jiltaqgħu. Hawnhekk tinsab ukoll l-ogħla parti tas-sistema ta’ ktajjen muntanjużi – it-Tian Shan Ċentrali, il-Quċċata ta’ Pobeda (il-katina muntanjuża Kakshaal Too) u Khan Tengri. Fil-Punent, Tian Shan tinqasam f’forma ta’ għajn, bil-Lag ta’ Issyk Kul fin-nofs tagħha. Fin-naħa tan-Nofsinhar tal-lag hemm l-Alatau ta’ Terskey u fin-naħa tat-Tramuntana hemm Kyungey Ala-Too. Fit-Tramuntana ta’ Kyungey Ala-Too u parallelament magħha hemm l-Alatau ta’ Trans-Ili fil-Każakistan, fin-Nofsinhar tal-belt ta’ Almaty. Fil-Punent tal-għajn, il-katina muntanjuża tkompli sejra għal 400 kilometru bħala l-Ala-Too Kirgiża, li tissepara l-Provinċja ta’ Chui mill-Oblast ta’ Naryn u mbagħad lill-Każakistan mill-Provinċja ta’ Talas. Din l-oblast hija l-wied superjuri tax-xmara Talas, u n-naħa tan-Nofsinhar tagħha tibqa’ għaddejja għal 200 kilometru bħala l-katina muntanjuża tal-Ala-Too ta’ Talas (“Ala-too” hija l-verżjoni Kirgiża ta’ Alatau). Fin-naħa tal-Lvant tal-Alatau ta’ Talas, il-katina muntanjuża ta’ Suusamyr Too tibqa’ sejra fix-Xlokk u tikkonfina mal-Wied jew mal-Promontorju ta’ Suusamyr.
Fir-rigward taż-żona fin-Nofsinhar tal-Wied ta’ Fergana, hemm grupp ta’ muntanji li jserrep għal 800 kilometru fil-Punent u fil-Lbiċ san-Nofsinhar tal-Lag ta’ Issyk Kul li jissepara l-Baċir ta’ Tarim mill-Wied ta’ Fergana. Il-Katina Muntanjuża ta’ Fergana tibqa’ sejra fil-Grigal lejn l-Ala-Too ta’ Talas u tissepara l-baċir superjuri ta’ Naryn minn Fergana. In-naħa tan-Nofsinhar ta’ dawn il-muntanji jiltaqgħu u jsiru ħaġa waħda mal-Muntanji Pamir fit-Taġikistan (il-Muntanji Alay u l-Katina Muntanjuża Trans-Alay). Fil-Punent imbagħad hemm il-Katina Muntanjuża tat-Turkestan, li tibqa’ sejra sa kważi Samarkanda.
Fil-marġni tat-Tramuntana tal-Baċir ta’ Tarim bejn il-katina muntanjuża ta’ Kokshaal-Tau fin-Nofsinhar u dik tal-Alatau ta’ Terskey fit-Tramuntana, għal 100 kilometru sa 120 kilometru hemm il-promontorju ta’ Tian Shan bil-pajsaġġ muntanjuż fil-madwar. Il-katina muntanjuża ta’ Kokshaal-Tau tkompli għal tul kumplessiv ta’ 570 kilometru mill-Punent ta’ Pik Dankowa (Dankov; 5,986 metru) sal-Lvant u l-Grigal sa Pik Pobeda (Tumor Feng; 7,439 metru) u lil hinn minnha. Din il-katina muntanjuża kif ukoll dik tal-katina muntanjuża parallela twila 300 kilometruta tal-Alatau ta’ Terskey, u l-promontorju ta’ Tian Shan bejniethom, matul l-era glaċjali kienu miksijin u kkollegati minn networks ta’ nixxigħat tas-silġ u glaċier promontorju. Attwalment, il-fdal interglaċjali ta’ din il-glaċjazzjoni huwa ffurmat biss mill-glaċier twil 61 kilometru tan-Nofsinhar ta’ Inylschek. Il-bokok tal-glaċier promontorju kellhom fluss lejn it-Tramuntana li kien jwassal saħansitra sal-Lag ta’ Issyk Kul f’għoli ta’ 1,605 metri ’l fuq mil-livell tal-baħar u kien idub f’dan il-lag twil 160 kilometru.
Bl-istess mod, il-glaċjazzjoni qawwija kienet wiesgħa iktar minn 50 kilometru fiż-żona muntanjuża għolja tal-Alatau ta’ Kungey, u kienet tikkollega mat-Tramuntana tal-Lag ta’ Issyk Kul u kienet testendi sal-artijiet primarji muntanjuża qrib Alma Ata. L-Alatau ta’ Kungey hija twila 230 kilometru. Minn hawn, il-glaċieri glaċjali kienu jdubu wkoll fil-Lag ta’ Issyk Kul. Il-wied ta’ Chon-Kemin kellu glaċjazzjoni sal-influss tiegħu fil-wied ta’ Chu. Mill-elongazzjoni tal-Punent tal-Alatau ta’ Kungey—li hija l-katina muntanjuża Kirgiża (42°25′N/74–75°E)—il-glaċieri glaċjali kellhom fluss li jasal sal-artijiet primarji muntanjużi sa 900 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar (qrib il-belt kapitali Kirgiża ta’ Bishkek). Fost l-oħrajn, il-wied bil-glaċieri ta’ Ak-Sai hemmhekk żviluppa glaċier fl-artijiet primarji muntanjużi.
Flimkien, il-glaċjazzjonijiet ta’ Tian Shan fl-era glaċjali kienu jokkupaw erja ta’ madwar 118,000 kilometru kwardru. Il-linja tal-borra tal-glaċieri bejn iż-żona fejn kien jikber il-glaċier u ż-żona fejn kien idub kien madwar 1,200 metru iktar fil-baxx matul l-aħħar era glaċjali meta mqabbla ma’ żminijietna. Bil-kundizzjoni ta’ proporzjon ta’ preċipitazzjoni komparabbli, kieku jirriżulta tnaqqis tat-temperatura annwali medja ta’ 7.2 sa 8.4 °C għall-Aħħar Massimu Glaċjali meta mqabbel ma’ żminijietna.
Tian Shan fiha foresti importanti tal-Abit ta’ Schrenk (Picea schrenkiana) f’altitudnijiet ta’ iktar minn 2,000 metru; in-naħat iktar fil-baxx fihom foresti naturali uniċi tas-siġar tal-ġewż u tat-tuffieħ.
Tian Shan fl-imgħoddi ġeoloġiku immedjat iffrankat il-ġlaċjazzjoni minħabba l-“kenn” tal-influwenza sħuna tal-klima tal-Oċean Indjan. Dan iddefinixxa l-karatteristiċi ekoloġiċi tagħha li jsostnu l-ekosfera distinta tagħha. Il-muntanji kienu soġġetti għal bidliet ġeoloġiċi kostanti b’sistemi ta’ skular tal-ilma li jevolvu b’mod kostanti li affettwew il-veġetazzjoni, u esponew ukoll ħamrija għammiela li żrieragħ emerġenti ġodda setgħu jgawdu minnha u jitkattru.
It-tulipani oriġinaw fi Tian Shan. Il-pjanta ttieħdet it-Turkija tul it-Triq tal-Ħarir u saret simbolu tal-Imperu Ottoman.
It-tnissil ta’ veġetazzjoni importanti tal-għelejjel ġie stabbilit u tkattar fiż-żona, fosthom: il-berquq (Prunus armeniaca), il-lanġas (Pyrus spp.), ir-rummien (Punica granatum), it-tin (Ficus), iċ-ċirasa (Prunus avium) u iċ-ċawsli (Morus). Ir-reġjun ta’ Tian Shan kien fih ukoll annimali importanti bħall-ors, iċ-ċerva u l-ħanżir selvaġġ, li għenu biex iż-żrieragħ jinfirxu u tespandi d-diversità ekoloġika.
Fost il-veġetazzjoni li kkolonizzat Tian Shan, x’aktarx permezz tal-għasafar mil-Lvant, kien hemm dak li issa huwa magħruf bħala t-tuffieħ “ħelu”. Dak iż-żmien, il-frotta x’aktarx li kienet iktar żgħira u kienet qisha t-tuffieħ Malus baccata. Iż-żerriegħa jaf inġarru mill-għasafar, mar-rix tagħhom jew ma’ saqajhom, jew inkella qalb l-ikel tagħhom.
Fil-Konferenza tal-2013 dwar il-Wirt Dinji, il-parti tal-Lvant ta’ Tian Shan fir-reġjun tal-Punent taċ-Ċina, Xinjiang, ġiet imniżżla fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO bl-isem ta’ “Xinjiang Tianshan”. Il-parti tal-Punent li tinsab fil-Każakistan, fil-Kirgiżistan u fl-Użbekistan ġiet imniżżla fil-lista separatament fl-2016 bl-isem ta’ “Punent ta’ Tian Shan”.
Il-valur universali straordinarju ta’ Xianjiang Tianshan ġie rikonoxxut abbażi ta’ żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) “Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta’ ġmiel naturali u ta’ importanza estetika eċċezzjonali”; u l-kriterju (ix) “Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta’ ekosistemi u ta’ komunitajiet ta’ pjanti u ta’ annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar”.
Il-valur universali straordinarju tal-Punent ta’ Tian Shan ġie rikonoxxut abbażi ta’ kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (x) “Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta’ valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni”.
In Tengrism, Khan Tengri is the lord of all spirits and the religion's supreme deity, and it is the name given to the second highest peak of Tian Shan.
|iktar=
(għajnuna)